Sport Sport Ieħor

Issir il-preżentazzjoni lir-rebbieħa tar-Rolex Middle Sea Race

Id-39 edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race ntemmet b’mod uffiċjali dalgħodu, hekk kif f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi saret il-preżentazzjoni uffiċjali tar-rebbieħa.

Ir-rebbieħ tat-tellieqa kien il-Franċiż Courrier Recommandè misjuq minn Gery Trentseaux, li hu t-tielet jott Franċiż li rebaħ il-Middle Sea Race. L-ewwel jott Malti li wasal kien Comanche Raider III ta’ Jonas Diamantino u Ramon Sant Hill, iżda kien il-jott tal-aħwa Podestà li ġab l-aħjar riżultat wara l-ħin korrett.

Ir-rebbieħ tad-Diviżjoni ORC kien Bohemia Praha Debra taċ-Ċek Milan Tomek. Il-Monohull Line Honours intrebaħ minn Rambler tal-Amerikan George David. Il-jott Russu Bogatyr rebaħ it-trofew Andrea Vattani, kif ukoll spiċċa r-rebbieħ Overall fil-klassi IRC.

B’kollox kien hemm rekord ta’ 130 jott li rrappreżentaw 29 pajjiż biex jieħdu sehem fil-50 sena anniversarju mill-ewwel tellieqa li daħlet sew fil-kalendarju lokali kif ukoll internazzjonali. L-erbgħin edizzjoni tar-Rolex Middle Sea Race tibda s-Sibt 19 ta’ Ottubru tal-2019.