Ħelikopter li hu tas-sid ta’ Leicester City iġġarraf viċin l-istadium tal-klabb. Xhieda qalu lill-media Ingliża li semgħu ħoss kbir mekkaniku qabel ma raw il-ħelikopter f’ħuġġieġa fil-parkeġġ tal-istaff li jinsab madwar 200 metru mill-King Power Stadium. Il-ħelikopter kien telaq madwar id-9.30pm bil-vjaġġ tiegħu jdum ftit sekondi.
Partitarji li kienu għadhom qed iħallu l-istadium wara d-draw ta’ 1-1 li Leicester kellhom kontra West Ham, dehru jiġru hekk kif il-ħelikopter waqa’ u spiċċa ħa n-nar. L-istadium kien evakwat mill-ewwel u ż-żona ngħalqet. Ix-xarabank tat-tim ta’ West Ham kienet diġà telqet iżda kien għad fadal xi plejers ta’ Leicester fl-istadium.

Srivaddhanaprabha normalment iħalli l-istadium bil-ħelikopter li jinżel f’nofs il-grawnd wara kull logħba li Leicester jilagħbu f’darhom. In-negozjant mit-Tajlandja li hu s-sid tal-kumpanija King Power, xtara l-klabb fl-2010 u sar chairman fi Frar ta’ wara. Taħt it-tmexxija tiegħu, Leicester kienu wettqu l-akbar sorpriża fl-istorja tal-Premier League Ingliż bir-rebħ tal-kampjonat fl-istaġun 2015/2016.
Rapporti ta’ Sky fl-Ingilterra qalu li l-Viċi Chairman Aiyawatt Srivaddhanaprabha li hu t-tifel tas-sid tal-klabb, u d-Direttur tal-Futbol John Rudkin ma kinux abbord.
Wara li ħarġet din l-aħbar, kienu ħafna l-persuni importanti, plejers u klabbs li esprimew is-solidarjetà ma’ Leicester għal dan l-inċident. Sa issa għad m’hemm l-ebda indikazzjoni jekk kienx hemm persuni fuq il-ħelikopter.
//= $special ?>