Futbol Sport

Juventus jitħabtu iżda jirbħu

(Ritratt: EPA)
Atalanta jirbħu wkoll u draw bejn Torino u Fiorentina

Wara d-draw kontra Genoa ġimgħa ilu, Juventus irritornaw għar-rebħ fis-Serie A wara li dawru telfa f’rebħa biex għelbu lil Empoli 2-1 fi Stadio Carlo Castellani.

Kienu Empoli li fetħu l-iskor fit-28 minuta f’azzjoni maħduma tajba li fiha l-attakkant FRANCESCO CAPUTO għeleb lil Wojciech Szczesny b’xutt bix-xellug għar-rokna. Juventus ġabu d-draw fl-54 minuta meta r-referee Gianpaolo Calvarese ordna penalty diskutibbli għal kuntatt bejn Ismael Bennacer u Paulo Dybala. Mill-11-il metru CRISTIANO RONALDO għeleb lil Ivan Provedel.

Juventus skorjaw il-gowl tar-rebħa fis-70 minuta meta Blase Matuidi qassam fuq il-lemin lejn CRISTIANO RONALDO li tħalla żmarkat, bil-Portugiż jegħleb lil Provedel b’xutt mill-isbaħ minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax-xibka.

Torino u Fiorentina ħadu punt kull wieħed fi draw ta’ 1-1 f’partita bilanċjata. Fiorentina kellhom bidu mill-aqwa meta fetħu l-iskor wara biss 64 sekonda, bil-midfielder MARCO BENASSI jiżmarka ruħu tajjeb wara li l-ballun spiċċa fid-direzzjoni tiegħu, biex mill-viċin għeleb lil Sirigu.

Torino wettqu reazzjoni u ġabu d-draw fit-13-il minuta b’xutt b’saħħtu ta’ Ola Aina li stampa mal-wieqfa, iżda ħabat ma’ dahar il-gowlkiper Alban Lafont u daħal fix-xibka.

Atalanta kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta f’darhom għelbu lil Parma 3-0 bi tliet gowls fit-tieni taqsima. Huma fetħu l-iskor b’mod pjuttost fortunat meta Sepe salva parzjalment ix-xutt ta’ Josip Ilicic iżda ħabat ma’ Riccardo Gagliolo u spiċċa fix-xibka.

It-tim ta’ Gasperini rdoppja fit-72 minuta meta minn korner, daqqa ta’ ras spiċċat fid-direzzjoni ta’ JOSE LUIS PALOMINO li skorja mill-viċin. Atalanta skorjaw it-tielet gowl fit-80 minuta meta minn korner din id-darba mil-lemin, kien GIANLUCA MANCINI li għeleb lil Sepe mill-kaxxa ż-żgħira.

Tags