Il-manager ta’ Liverpool, Jurgen Klopp, qal li ħadd ma għandu jqis bħala deċiżiv il-fatt li r-Reds ta’ Anfield huma l-liders ġodda tal-Premier League wara rebħa kbira oħra, 4-1,din id-darba għall-ispejjeż ta’ Cardiff City, f’Anfield Road. Intant jibqa’ il-fatt li l-bidu tal-istaġun qed ikun wieħed mill-aħjar għar-Reds għal ħafna snin, b’Sadio Mane jiskorja darbtejn f’din ir-rebħa, u bil-gowls l-oħra ta’ Liverpool jaslu minn Mohamed Salah u s-sostitut, Xherdan Shaqiri.
Liverpool għadhom ma sofrewx telfa fil-kampjonat u grazzi għat-trijonf fuq il-Bluebirds – it-tmien waħda għall-Merseysiders – huma issa fetħu vantaġġ ta’ tliet punti fuq Manchester City, iċ-champions tal-Ingilterra, li huma impenjati għada kontra Tottenham Hotspur f’Wembley.
Sadanittant, Liverpool, fil-preżent, għandhom 26 punt li hu l-istess ammont (sa din il-fażi) bħal tal-istaġun 2008-09 meta kienu spiċċaw it-tieni fl-ogħla diviżjoni. Hu għalhekk, fl-ewwel kumment tiegħu wara l-logħba, li Klopp insista li ‘kollox għad jista’ jiġri’ iżda fl-istess nifs il-manager Ġermaniż ammetta li jħossu sodisfatt ħafna bil-mod kif qed jilgħab it-tim tiegħu.
Liverpool fetħu vantaġġ ta’ 2-0 sas-66 minuta (Salah, Mane), b’Cardiff inaqqsu l-iżvantaġġ minn Callum Paterson, 13-il minuta mill-ħin. Iżda l-gowl ma kienx preludju għal xi rimonta, b’Liverpool mill-ġdid jirristawraw il-vantaġġ ta’ żewġ gowls minn Shaqiri fl-84 minuta, b’ Mane jgħaqqad il-poker, tliet minuti wara, għall-4-1 finali.
Fulham mill-ġdid iddiżappuntaw quddiem il-partitarji tagħhom, fejn sfaw megħluba 0-3 minn Bournemouth fi Craven Cottage. B’dan ir-riżultat, Bournemouth jinsabu s-sitta fil-Premier League u dan jidher li se jkun staġun ieħor sorprendenti għalihom, b’Callum Wilson jiftaħ l-iskor minn penalty wara l-fawl fil-kaxxa ta’ Fosu-Mensah fuq l-istess plejer. Fulham ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda kienu mill-ġdid iċ-Cherries li sabu x-xibka minn Brooks (72), b’Wilson jagħlaq il-logħba bit-tieni gowl personali, ħames minuti mit-tmiem. Intant, il-Cottagers spiċċaw il-logħba b’għaxra wara li tkeċċielhom Kevin McDonald fit-73 minuta.
Ir-rebħa ta’ Brighton fuq Wolves, 1-0, għandha sinifikat speċjali għall-iskorer, Glenn Murray, peress li dan kien il-100 gowl tal-plejer għas-Seagulls, li min-naħa tagħhom qegħdin jiċċelebraw it-tielet rebħa konsekuttiva fil-Premier League. Il-gowl deċiżiv wasal fit-48 minuta meta Murray dawwar għal ġewwa ix-xutt ta’ Bruno li kien deher destinat għal barra, b’din ir-rebħa ttella lil Brighton fil-ħdax il-post, bl-istess punteġġ bħal Manchester United, iżda b’differenza ta’ gowls inferjuri (u b’logħba aktar mir-Red Devils li llum jospitaw lil Everton f’Old Trafford). Glenn Murray, issa, hu t-tieni l-aqwa skorer ta’ Brighton għal kull żmien minbarra li hu biss it-tieni plejer li qatt skorja 100 gowl għall-klabb mis-south coast.
Southampton u Newcastle spiċċaw fi draw 0-0 f’St Mary’s Stadium u meta l-Magpies għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara għaxar logħbiet. Intant, il-manager ta’ Newcastle, Rafa Benitez, fisser dan ir-riżultat bħala ‘pożittiv’ waqt li sostna li l-plejers tiegħu, ftit ftit, qed jiksbu lura l-fiduċja biex jaffrontaw dan l-istaġun diffiċli. Is-Saints marru qrib li jiżblukkaw ir-riżultat bi flick ta’ Lemina li ħabat mal-wieqfa, bil-gowlkiper ta’ Newcastle, Dubravka, ikollu jwettaq numru ta’ saves tajbin biex jippriserva dan ir-riżultat wara t-tliet telfiet (konsekuttivi) preċedenti għall-Magpies.
Watford telgħu fis-seba’post tal-Premier League b’rebħa kbira, 3-0, fuq Huddersfield , bit-Terriers, issa, jinsabu f’qigħ il-klassifika, bl-istess punteġġ bħal Newcastle, iżda b’differenza ta’ gowls ferm agħar. Roberto Pereyra, wara għaxar minuti, u Gerard Deulofeu (19) fetħu vantaġġ ta’ 2-0 wara żewġ azzjonijiet personali biex iddemoralizzaw għal kollox lil Huddersfield li kienu fetħu din il-logħba fuq l-attakk. Il-Hornets, minn dak il-ħin, ikkontrollaw il-logħba u għaxar minuti mit-tmiem Isaac Success sammar ġewwa mill-viċin biex aċċerta l-aħjar bidu ta’ staġun għal Watford fl-ogħla diviżjoni mill-1982-83, fi żmien l-Ewwel Diviżjoni antika.
Wilfred Ndidi sab ix-xibka fid-89 minuta biex salva punt mistħoqq għal Leicester kontra West Ham, 1-1, fil-King Power Stadium. Leicester kienu xi ftit aħjar tul il-logħba iżda daħlu jistrieħu fl-iżvantaġġ meta Fabian Balbuena fetaħ l-iskor minn rebound wara li d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet ħabtet mal-lasta. Madankollu, tmien minuti wara l-gowl West Ham spiċċaw b’għaxra wara t-tkeċċija ta’ Mark Noble għal tackle ikrah fuq Ndidi u t-tieni taqsima kienet kollha ta’ marka ‘Leicester’ li heddew diversi drabi l-lasta ta’ Fabianski. Intant, il-gowl tad-draw kien fl-ajru u wasal proprju fl-aħħar ħinijiet meta x-xutt mill-bogħod ta’ Ndidi xxellef ma’ Balbuena u spiċċa fir-rokna tax-xibka, b’Fabianski jħares.
//= $special ?>