Rugby Sport

Malta tiddomina lill-Bożnija u tikseb it-tieni rebħa f’ġimgħa

(Ritratt: MRFU)

MALTA……………………. 41   BOŻNIJA………………….. 7

Malta: R. Apsee, D. Holliday, A. Harvey, D. Deguara, D. Cerketa, D. Apsee, L. Watts, M. Davey, T. Holloway, R. Holloway, R. Gum, D. Busuttil, R. O’Brien, B. Dalton, J. Kirk

Sostituti: B. Borg 59’, M. Camilleri 72’, G. Hili 75’, V. Farrugia 77’, M. Attard 77’, A. Galea 77’, K. Azzopardi 78’

Bożnija: J. Hus, B. Gafurovic, M. Fetic, A. Suljic, S. Topcic, N. Selimbegovic, H. Oruc, A. Zadic, F. Spahic, H. Begic, S. Glabvas, A. Hamzic, A. Buljugic, M. Bisic

Tries: R. Gum 18’, M. Davey 25’, L. Watts 43’, T. Holloway 66’, J. Kirk 74’, A. Galea 80’ (M), M. Fetic 58’ (B)

Conversions: J. Kirk 26’, 66’, 74’, 80’ (M), M. Bisic 58’ (B)

Penalties: J. Kirk 7’ (M)

Referee: Anthony Lac (Monaco)

Prestazzjoni dominanti tat it-tieni rebħa lit-tim nazzjonali Malti fit-tieni logħba mir-Rugby Europe Conference 1 South. It-tim ta’ Damian Neill kompla jibni fuq ir-rebħa ta’ ġimgħa ilu kontra l-Iżrael biex ikkonferma li se jkun sfidant mal-Kroazja għar-rebħ ta’ din id-diviżjoni.

B’din ir-rebħa kbira, Malta kisbet punt ieħor żejjed minbarra l-erba’ punti tar-rebħa. It-tim Malti kien f’livell ieħor fil-logħba, bil-Bożnja rari tkun perikoluża.

Malta fetħet l-iskor wara seba’ minuti minn penalty minn pożizzjoni ċentrali ta’ James Kirk. Il-Maltin kienu superjuri għall-avversarji u ma kinitx sorpriża li għamlu l-ewwel try tal-logħba fit-18-il minuta, b’Richard Gum jaqsam il-linja finali mill-kantuniera xellugija. Minħabba l-pożizzjoni tat-try, kien diffiċli għal James Kirk biex jagħmel il-conversion biex l-iskor baqa’ 8-0.

Id-distakk kompla jikber fil-25 minuta bi try oħra min-naħa xellugija. Kienet azzjoni maħduma tajba, bit-tim Malti jiftaħ il-logħob min-nofs għal fuq ix-xellug, bin-number 8 Mark Davey isib l-ispazju neċessarju għat-tieni try tal-logħba. James Kirk kellu biċċa xogħol diffiċli b’conversion simili għal dak ta’ qablu, iżda din id-darba rnexxielu jgħaddi l-ballun bejn il-lasti biex l-iskor sar 15-0.

It-tim Malti għamel l-aħħar fażi tal-ewwel taqsima bi plejer anqas, iżda fl-assenza ta’ Rhodri James Apsee, it-tim Malti xorta baqa’ jikkontrolla lill-avversarji. Il-plejers Maltin żammew l-istess ritmu, u tliet minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima għamlu t-tielet try, f’azzjoni li bdiet fuq in-naħa leminija iżda qalbet għal fuq ix-xellug, b’Luke Watts isib l-ispazju biex jagħmel it-tielet try Malti.

Il-Bożnija naqqset id-distakk fit-58 minuta meta għamlet l-ewwel try tagħha permezz ta’ Mirsad Fetic, b’Mahir Bisic jiskorja l-conversion mill-qrib u minn pożizzjoni ċentrali. Dan il-gowl ma ħasadx lit-tim Malti għaliex reġa’ ħa l-kontroll tal-logħba u fis-66 minuta kabbar l-iskor bir-raba’ try tal-logħba skorjat minn Thomas Holloway. James Kirk skorja t-tieni conversion tal-logħba minn qagħda ideali.

James Kirk kompla jikkonferma l-prestazzjoni tajba tiegħu meta fl-74 minuta rnexxielu jiftaħ id-difiża avversarja u skorja try taħt il-lasta, biex l-istess plejer għamel il-conversion. Malta għalqet il-logħba bis-sitt try tal-logħba skorjat fuq ix-xellug minn Andre Galea, b’James Kirk itella’ t-total personali għal 16-il punt u distakk ta’ 34 punt.

L-impenn li jmiss tat-tim Malti f’din il-kompetizzjoni tkun fit-23 ta’ Marzu tas-sena d-dieħla kontra Ċipru barra minn Malta.

Ikkummenta

Tags