Missier it-tifel jitressaq il-qorti wara li ħebb għall-akkużat
Żagħżugħ Rumen, li ismu ma jistax jixxandar minħabba divjett tal-Qorti, inżamm taħt arrest wara li tressaq il-Qorti mixli li abbuża sesswalment minn neputi ta’ erba snin matul dan ix-xahar u fix-xhur ta’ qabel.
Il-każijiet seħħew waqt li l-ġenituri tat-tfajjel fdaw lil zijuh ta’ 24 sena biex jieħu ħsiebu.
Fil-Qorti l-Ispetturi Joseph Busuttil mill-Iskwadra ta’ kontra l-vizzji u l-Ispettur Clayton Camilleri mill-Għassa tal-Qawra akkużaw lill-imputat li b’għemil indiċenti, li kkorrompa lin-neputi tiegħu u wettaq atti sesswali maċ-ċkejken waqt li kien fil-kustodja tiegħu.
Filwaqt li l-akkużat ma ammettiex l-akkużi miġjuba kontrih, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo ma tagħtux il-ħelsien mill-arrest.
Sadanittant b’rabta mal-istess każ tressaq ukoll missier it-tifel hekk kif ġie akkużat li fit-23 ta’ Ottubru ħebb għar-Rumen u kkawżalu ġrieħi ħfief.
Ir-raġel ammetta l-akkużi miġjuba kontrih u saħaq li ddispjaċih talli għamel, madankollu xorta waħda sostna li kien irrabjat għal ħu l-mara wara li sar jaf x’kien qed jagħmel fuq ibnu.
Huwa ngħata l-libertà bil-kundizzjoni li ma jwettaqx reat ieħor fi żmien sena.
//= $special ?>