Lokali

SKEMA SKART: Il-Kunsilli qed iħallsu għall-inkompetenza tal-Gvern

Sindki Laburisti jgħidu li l-Gvern għandu jistenna qabel iħaddem l-iskema

L-iskema tal-iskart organiku qed tiddaħħal b’nuqqas ta’ ppjanar u b’għaġla bir-riżultat li l-Kunsilli qed iħallsu l-prezz tal-inkompetenza tal-Gvern.

Dan kien il-messaġġ ta’ ħafna Sindki u Viċi-Sindki li avviċinaw lill-Kelliem Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar fl-aħħar jiem.  Hu qal dan waqt Laqgħa Plenarja Straordinarja tal-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali li saret dalgħodu.

Robert Cutajar qal li hemm ħafna residenti f’lokalitajiet differenti li għadhom ma rċevewx il-kontenituri, il-boroż u d-dettalji tal-ġbir, u reġa’ appella lill-Gvern biex jagħti widen għall-karba tal-Kunsilli biex jiġi estiż iż-żmien qabel tibda’ titħaddem l-iskema.

In-nuqqas ta’ konsultazzjoni mal-Kunsilli u l-faqar ta’ informazzjoni disponibbli lill-pubbliku, kienu żewġ fatturi li semmew is-sindki bħala r-raġuni għalfejn din l-iskema qed toħloq daqstant pressjoni fuq il-kunsilli u taħwid f’imħuħ in-nies.

Pierre Dalli, is-Sindku Laburista tal-Fgura qal lil Net News li jħoss li hemm bżonn ta’ iktar żmien sabiex il-poplu jkun iktar preparat għal din l-iskema.  Hu kkonferma li l-kunsill tal-Fgura ma ġie kkonsultat xejn dwar din l-iskema u dwar il-bżonnijiet partikjulari tal-lokalita’.

Intant dalgħodu l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema kellhom jieħdu l-inkarigu li jqassmu huma l-kontenituri u l-boroż tal-iskart organiku wara li l-Wasteserv talbu l-għajnuna tagħhom biex dawn ifittxu jitqassmu.

Is-Sindku ta’ Tas-Sliema Anthony Chircop qalilna li l-Kunsill daħħal il-ħaddiema tiegħu illum bi spejjeż għall-Kunsill biex jassigura ruħu li jagħmel dak kollu li jista sabiex ir-resident ikun moqdi, minkejja li dan ma kienx xogħol il-Kunsill Lokali.  Madankollu l-Kunsill ingħata biss ftit iktar minn 400 kontenitur li sa l-għaxra ta’ filgħodu kienu nġabru kollha bir-riżultat li ħafna residenti marru l-Kunsill Lokali għalxejn.  Ħafna nies f’din il-lokalita’ għadhom bla bins u boroz.