Sport Sport Ieħor

Atleti minn Team Noel b’suċċess fi Franza

Mix-xellug: Celeste Galea, Noel Mercieca u Keith Azzopardi

Kien suċċess għall-atleti Maltin Keith Azzopardi u Celeste Galea minn Team Noel, li fi tmiem il-ġimgħa ġġieldu f’Pariġi waqt l-avveniment Fighters Level Up.

Azzopardi, li huwa atleta professjonali u Champion Ewropew, irrappreżenta lil Malta diversi drabi fi ġlidiet barra minn xtutna. Azzopardi għandu relazzjoni speċjali ma’ Franza, għaliex kien proprju hawn li s-sena li għaddiet ġie ddikjarat Champion Ewropew tal-WKN. Nhar is-Sibt li għadda Azzopardi ffaċċja atleta Franċiż ta’ livell għoli, u għadda biex rebaħ bout ta’ K1 3×3.

Għal Galea din kienet l-ewwel ġlieda barra minn xtutna, għalkemm kienet diġà rrappreżentat lil Malta diversi drabi fi ġlidiet internazzjonali waqt l-avvenimenti lokali tal-Gladiators. F’Pariġi, Galea ġġieldet bout ta’ K1 4×2 kontra atleta Franċiża, bil-ġlieda ġiet iddikjarata ‘draw’.

Iż-żewġ atleti Maltin kienu akkumpanjati mill-kowċ tagħhom, Master Noel Mercieca, li ġimgħa qabel kien jinsab fir-Repubblika Ċeka jakkumpanja lill-atleta Diane Schembri, li wkoll kisbet rebħa għal Malta.

It-taħriġ li għamlu l-atleti Maltin fl-aħħar ġimgħat, u anki dawn il-ġlidiet infushom, se jservu wkoll ta’ preparamenti u iżjed esperjenza għall-ġlidiet li se jikkompetu fihom fl-10 Novembru li ġej waqt il-21 edizzjoni tal-Gladiators fil-Padiljun ta’ Kordin.

Min jixtieq iktar informazzjoni dwar it-taħriġ offrut mill-klabb Team Noel – Ying Yang jista’ jagħmel kuntatt ma’ Master Noel Mercieca fuq 79208283, iżur is-sit elettroniku http://www.kickboxing.com.mt/ jew jidħol fil-paġna ta’ Facebook Team Noel – Kickboxing Malta.