Futbol Sport

Barcelona jkabbru l-problemi ta’ Real Madrid

(Ritratt: EPA)
Julen Lopetegui qrib li jitkeċċa minn kowċ ta' Real Madrid

Barcelona komplew ikabbru l-problemi ta’ Real Madrid meta rebħu l-El Clasico bl-iskor kbir ta’ 5-1. Din il-logħba tista’ tkun il-bidu tat-tmiem ta’ Julen Lopetegui fit-tmexxija ta’ Real Madrid, hekk kif il-klabb kellu l-agħar bidu f’La Liga f’19-il sena.

Dan ir-riżultat ħalla lil Real Madrid fit-tielet post fil-klassifika, bit-tielet telfa konsekuttiva fil-kampjonat, filwaqt li Barcelona rritornaw fil-quċċata wara l-akbar rebħa fl-El Clasico mill-2010. L-aħħar darba li Real Madrid tilfu tliet logħbiet konsekuttivi fil-kampjonat kien f’Mejju tal-2009 dakinhar taħt it-tmexxija ta’ Juande Ramos meta temmew il-kampjonat b’ħames telfiet konsekuttivi.

Barcelona ilhom mhux megħluba għal 42 logħba tal-kampjonat fil-Camp Nou, l-itwal sensiela minn Frar tal-1977 b’total ta’ 67 logħba.

Ernesto Valverde ma għamel l-ebda bidla mir-rebħa ta’ fost il-ġimgħa fiċ-Champions League kontra Inter, b’Rafinha jerġa’ jimla l-vojt tal-imweġġa’ Lionel Messi filwaqt li Ousmane Dembele kellu jerġa’ jibda minn fuq il-bank. Għal Real Madrid, Thibaut Courtois irritorna fil-lasta għal Real Madrid, Nacho Fernandez beda fuq in-naħa leminija tad-difiża u Raphael Varane rritorna fil-qalba tad-difiża.

Philippe Coutinho fetaħ l-iskor fil-11-il minuta wara li rċieva kross mix-xellug, biex fid-29 minuta Luis Suarez irdoppja minn penalty, deċiżjoni li ttieħdet wara konsultazzjoni mal-VAR, b’Suarez ikun imwaqqa’ minn Varane. Real Madrid daħlu fil-logħba fil-50 minuta permezz ta’ Marcelo, iżda t-tim ta’ Valverde reġa’ kabbar id-distakk fl-aħħar kwarta b’daqqa ta’ ras mill-isbaħ ta’ Luis Suarez li għalaq il-logħba.

Iżda Barcelona baqgħu jattakkaw u fit-83 minuta Suarez għaqqad it-tripletta personali meta qabbeż fuq Courtois. Kien għad fadal ħin għal ħames gowl li wasal erba’ minuti wara b’daqqa ta’ ras ta’ Arturo Vidal.