Lokali

Budget ta’ Gvern bla pjan fejn il-ġid li qed joħolqu n-nies mhux qed jasal għand kulħadd

F’intervista fuq NET FM li saret dalgħodu, il-Kap tal-PN Adrian Delia spjega kif il-budget huwa bla viżjoni jew direzzjoni għax mhux qed iħares fit-tul.

Hu qal ukoll illi għola kollox iżda l-paga m’għolietx. Ikkwota stastika fejn qal illi  l-ħajja għoliet b’1.6% filwaqt li l-ikel għola b’4%.

Il-Gvern jiftaħar bit-tkabbir ekonomiku iżda ma jispjegax kif il-popolazzjoni qed tiżdied u meta din tiġi kkumparata mat-tkabbir ekonomiku, ma hemm l-ebda tkabbir fir-rata.

Il-budget ma jgħid xejn dwar l-investiment fis-sigurtà fit-toroq tal-irħula tagħna. Fil-budget jidher biċ-ċar ukoll illi l-Gvern iħares lejn il-biedja bħala settur li ma jikkontribwixxix għall-ekonomija.

Spjega li dan il-budget ma ndirizzax il-foqra u li l-kwalità tal-ħajja sejra għall-agħar. Il-Gvern mhux qed jinvesti f’setturi ġodda li jsarrfu f’ġid għall-pajjiż kollu bħas-settur tat-teknoloġija avvanzata. Ikkwota wkoll lil Yana Mintoff, li hi konsulenta għall-Gvern għall-faqar, li qalet li l-Gvern qed joħloq il-faqar.

Kompla jgħid illi l-Gvern jipprova jgħid illi aħna kuntenti meta hemm ħafna li ma ġewx mgħejuna b’dan il-budget u bl-effetti li dan se jħalli fuqu.

Fost it-temi attwali li semma wkoll kien hemm il-kriżi tal-housing fejn hemm 3,000 ruħ li qed jistennew biex ikollhom saqaf fuq rashom.

U waqt li għada mistenni jsir d-diskors tal-Kap tal-PN b’reazzjoni għall-budget, Adrian Delia spjega li se jiffoka fuq il-bżonnijiet li verament jolqtu lill-poplu u lill-pajjiż.

Intant, il-PN ħarġu stqarrija għal dak li ntqal fuq NET FM.

“In-nies qed joħolqu l-ġid u t-tkabbir ekonomiku iżda l-Gvern m’għamilx budget biex iqassam dan il-ġid u jilħaq lil kulħadd. Minflok mis-suċċess li qed joħolqu n-nies qed igawdu biss ftit persuni.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fuq intervista fuq NET FM.

Dr Delia qal li l-budget li ressaq il-Gvern Laburista huwa nieqes minn pjan fit-tul, li jonqos li jindirizza l-problemi li qed joħloq il-Gvern stess, fejn il-ġid li qed jinħoloq mit-tkabbir ekonomiku mhux qed jasal għand kulħadd. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-budget jinjora bosta setturi fosthom il-biedja u s-sajd, fejn id-dokument tal-budget stess jgħid li l-biedja mhix tikkontribwixxi daqstant għall-ekonomija tagħna. Huwa qal li fl-edukazzjoni l-Gvern qiegħed jipposponi l-bini tal-iskejjel minflok jibni skola ġdida fis-sena kif kien isir fi żmien Gvernijiet Nazzjonalisti. Dr Delia qal li issa l-Gvern qiegħed jgħid li se jippjana għas-settur tas-saħħa, u din hija ammissjoni tal-falliment f’dan is-settur daqstant importanti. Dan bħalma falla fl-ambjent meta ninsabu l-aħħar fir-riċiklaġġ tal-iskart u għandna r-4 l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa.

Adrian Delia qal li l-pensjonanti, li huma l-aktar persuni vulnerabbli, qed jaffaċċjaw għoli tal-ħajja ta’ 4.4% biż-żidiet fil-prezzijiet tal-ikel. Huwa qal li ż-żieda fil-pensjoni li ngħatat fil-budget mhix biżżejjed biex il-pensjonanti jlaħħqu maż-żidiet kontinwi fil-prezzijiet tal-ikel. L-aħħar statistika turi wkoll żieda ta’ 1.6% fl-inflazzjoni, li tfisser li aktar pensjonanti u familji bi dħul baxx qed jaffaċċjaw żieda fl-għoli tal-ħajja, fejn żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa żgur li mhix biżżejjed biex in-nies ilaħħqu mal-ħajja.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-familji qed jaffaċċjaw żidiet tul is-sena kollha, fosthom żieda ta’ 4% fil-petrol u 4% fid-diesel, żieda ta’ 3% fil-prezz tal-gass u b’mod speċjali s-serq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dr Delia qal li l-mudell ekonomiku tal-Gvern, li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni, qed iħalli impatt negattiv fuq bosta setturi fosthom fuq il-kirjiet, il-propjetà, l-infrastruttura, t-trasport u l-ambjent fost l-oħrajn. Huwa qal li Gvern Nazzjonalista ġdida se jiggarantixxi li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u għajxien diċenti.

Adrian Delia qal li matul id-diskors tiegħu għall-budget se jkun qed jitkellem kif il-Gvern, li suppost li huwa soċjalista mhu soċjalista xejn u m’għandux kuxjenza soċjali. Huwa qal li se jitkellem kif il-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab li jibda jindirizza verament il-problemi li qed joħloq hu stess bil-mudell ekonomiku tiegħu, li jibqa’ jkabbar il-popolazzjoni b’żieda ta’ 15,000 barrani kull sena.

Dr Delia qal li fid-diskors tiegħu dwar il-budget se jitkellem dwar il-ħtieġa li l-Gvern iħares ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, b’mod speċjali tas-settur tas-servizzi finanzjarji li joffri mijiet ta’ impjiegi liż-żgħażagħ u l-professjonali. Adrian Delia qal li l-alternattiva li jrid joffri l-Partit Nazzjonalista hija ekonomija bbażata fuq in-nies, min-nies għan-nies, bi pjan fit-tul u li twassal biex ikollna soċjetà li jimpurtaha, fejn kulħadd igawdi mit-tkabbir ekonomiku u ħadd ma jibqa’ lura.