Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa dalgħodu reġa’ kiteb biex iwieġeb rapporti li saru fil-konfront tiegħu fil-gazzetta MaltaToday.
Fi stqarrija, Casa fakkar kif fil-ġimgħat li għaddew, hu kien akkużat b’irċevuti immaġinarji, b’fond sigriet għal affarijiet misterjużi fl-2009 u li uża l-flus b’mod ħażin anke qabel l-2004.
Madankollu sostna li l-unika ftit veritaà f’din il-fabrikazzjoni hi li l-paga ta’ Brussell ta’ wieħed mill-impjegati li nbidlet għal paga f’Malta meta għaxar snin ilu, il-persuna ntbagħtet minn Brussell lejn Malta. Fil-fatt, spjega li kien lest jispjega dan lill-gazzetta li kieku staqsewh.
David Casa qal li aktarx l-aktar akkuża bla sens kienet dik li fil-proċess tal-pubblikazzjoni tal-ismijiet tal-impjegati fuq is-sit tal-Parlament Ewropew, kien involut biex iqassar l-ismijiet tagħhom ħalli jaħbi l-identità tagħhom. Iżda qal li hu impossibbli li jkun irid jiddisassoċja ruħu mill-kunjomijiet Fenech Adami jew Caruana Galizia.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew fakkar li fl-aħħar xhur, ġie mhedded li jittella’ l-Qorti mill-FIAU u mill-Avukati ta’ Keith Schembri, li jirrapreżentaw lill-Bank Pilatus, kien vittma ta’ kampanja ta’ mibegħda li saħansitra sejħet biex jgħallquh u issa l-fabbrikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-impjegati tiegħu u dwaru.
Issa hu ċar li dan l-attakk ikkordinat kontrih hu aktar minn oxxen u saħansitra redikolu. Il-fabbrikazzjoni issa saret rutina ta’ kull ġimgħa, fi sforz biss biex hu u t-tim tiegħu jitwaqqfu mill-ħidma. Iżda mhux se jirnexxielhom, temmet tgħid l-istqarrija.
Sadanittant, il-kumpanija tal-Accountants PRO Corporate Services iddikjarat fi stqarrija li bħala l-kumpanija li tieħu ħsieb il-ħlasijiet tal-pagi lill-impjegati ta’ David Casa, tħoss li l-istorja ppubblikata llum fil-MaltaToday mhux biss mhix vera, iżda wkoll impossibbli.
Il-kumpanija qalet li, hi u qabel Dimech, Vella and Co, ilhom jieħdu ħsieb il-finanzi tal-Uffiċċju ta’ Casa mill-2009. Iddikjarat li l-impjegati dejjem irċievew il-ħlasijiet sħaħ skont il-kuntratti tal-impjieg. Għaldaqstant, l-allegazzjonijiet huma kompletamet fabbrikazzjoni.
Il-kumpanija qalet li l-fondi li Casa jirċievi mill-Unjoni Ewropea għall-pagi tal-impjegati tiegħu irrikonċiljaw sew ta’ kull sena mad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew.
//= $special ?>