Sport Sport Ieħor

Elina Svitolina tirbaħ il-Finali WTA

(Ritratt: EPA)

Elina Svitolina rebħet it-titlut tal-Finali WTA wara li għelbet lil Sloane Stephens 3-6, 6-2, 6-2. Għat-tennista Ukrena dan kien l-akbar unur mirbuħ fil-karriera tagħha u b’hekk għalqet tmiem il-ġimgħa f’Singapore b’mod perfett.

Svitolina kienet ġejja minn forma ħażina wara bidu brillanti din is-sena, iżda rebħet il-logħbiet tagħha fil-grupp u kienet b’saħħitha għal Stephens biex żiedet unur ieħor, mat-12-il tournament WTA li rebħet sa issa fil-karriera.

B’hekk Svitolina kompliet ir-rekord pożittiv fil-finali hekk kif rebħet 13 minn 15 li lagħbet, u dan għandu jservi ta’ kunfidenza għaliha hekk kif qed timmira li s-sena d-dieħla, tipprova tirbaħ Grand Slam.

Din kienet l-aħħar darba li dawn il-finali saru f’Singapore, hekk kif mis-sena d-dieħla l-Finali WTA se jsiru f’Shenzhen fiċ-Ċina. It-tennista ta’ 24 sena saret l-ewwel tennista li ma titlifx f’dan it-tournament minn żmien Serena Williams fl-2013.

Tags