Formula 1 Sport

Hamilton jaċċerta mir-rebħ tal-ħames kampjonat hekk kif Verstappen jirbaħ fil-Messiku

(Ritratt: EPA)

It-trofew il-kbir f’Mexico City mar għand Max Verstappen wara li l-Olandiż irnexxielu jirrepetu s-suċċess ta’ sena ilu bi prestazzjoni eżemplari. Iżda filwaqt li Verstappen iċċelebra r-rebħ tal-ħames tiġrija tiegħu, Lewis Hamilton iċċelebra r-rebħ tal-ħames kampjonat, hekk kif ir-raba’ post tal-Britanniku kien biżżejjed biex jirbaħ il-kampjonat b’żewġ tiġrijiet għat-tmiem. B’hekk hu sar biss it-tielet sewwieq fl-istorja tal-Formula 1 li jirbaħ ħames kampjonat, wara Juan Manuel Fangio u Michael Schumacher.

Ir-rebħa ta’ Verstappen probabbli kienet l-aktar waħda pulita fil-karriera. Hu rnexxielu jaqbeż lil Daniel Ricciardo fil-bidu qabel kważi tiġrija sħiħa fuq quddiem. Sebastian Vettel kien jaf li ċ-ċansijiet tiegħu li jibqa’ fit-taqtigħa kienu minimi, iżda minkejja prestazzjoni tajba li fiha spiċċa t-tieni, ma kienx biżżejjed biex iċaħħad lil Hamilton.

Il-Ġermaniż spiċċa t-tieni wara li għat-tmien darba dan l-istaġun, Daniel Ricciardo ma spiċċax it-tiġrija wara dak li deher problemi fil-magna fit-62 daera. Tmien diżappuntanti għall-Awstralja li deher li seta’ jikseb l-ewwel podju tiegħu fil-Messiku.

Flimkien ma’ Verstappen u Vettel, ingħaqad fuq il-podju Kimi Raikkonen, bil-Finlandiż ikollu tiġrija kwieta iżda għamel biżżejjed biex ċaħħad lil Hamilton minn podju fil-ġurnata li rebaħ it-titlu. B’hekk is-sewwieqa tal-Mercedes spiċċaw ir-raba’ u l-ħames post, b’Hamilton iwaqqa’ r-ritmu biex jaċċerta li jaqsam il-linja finali mingħajr problemi.

Nico Hulkenberg irnexxielu jikseb is-sitt post, aħbar tajba għal Renault minħabba li Haas naqsu li jiksbu l-punti. Charles Leclerc spiċċa fis-seba’ post filwaqt li Stoffel Vandoorne laħaq l-aqwa prestazzjoni tiegħu meta d-daħa fit-tmien post.

(Ritratt: EPA)

Statistika

· Għat-tielet darba fil-ħames tiġrijiet li rebaħ il-kampjonat, Lewis Hamilton naqas li jispiċċa fuq il-podju. Dan seħħ fl-2008 u s-sena l-oħra.

· Hamilton ma kienx fuq il-podju għall-ewwel darba f’għaxar tiġrijiet.

· Ir-rebħa ta’ Max Verstappen fissret li għall-ewwel darba rebaħ darbtejn fl-istess ċirkwit.

· Verstappen għandu r-rekord tal-aktar rebħiet mingħajr qatt ma kiseb pole position, fejn qabeż lil Bruce McLaren u Eddie Irvine.

· It-tieni post ta’ Sebastian Vettel kien l-aqwa pożizzjoni mill-Grand Prix tal-Belġju lura f’Awwissu.

· Valtteri Bottas jinsab żewġ tiġrijiet bogħod milli jsir l-ewwel sewwieq ta’ Mercedes li ma jirbaħx tiġrija fi staġun fl-era hybrid wara l-2014.

· Nico Hulkenberg spiċċa fis-sitt post fl-aħħar żewġ tiġrijiet u jinsab 12-il punt vantaġġ fuq il-kumplament tas-sewwieqa, esklużi l-ewwel sitta. Jekk jispiċċa fis-seba’ post fil-kampjonat, dan ikun l-aħjar riżultat personali.