Michael D Higgins reġa’ kien elett bħala l-President tal-Irlanda wara li rebaħ madwar 56 fil-mija tal-vot nazzjonali.
Fit-tieni post, wara Higgins, spiċċa n-negozjant Peter Casey bi 23 fil-mija tal-vot, waqt li ħadd mill-erba’ kandidati l-oħra ma kiseb aktar minn għaxra fil-mija tal-appoġġ popolari.
Il-votanti f’din l-elezzjoni anki approvaw, waqt referendum, il-proposta biex il-blasfemija titneħħa bħala offiża mill-Kostituzzjoni tal-Irlanda, b’64.85 fil-mija jivvutaw favur dan il-pass.
Michael D Higgins kien l-ewwel President Irlandiż li kellu jiffaċċja sfida għall-kariga attwali (fit-tentattiv għat-tieni mandat) tul l-aħħar 50 sena. Hu intant rebaħ din l-isfida bi 822,566 voti.
Ir-riżultat kien ikkonfermat waqt dikjarazzjoni fil-Kastell ta’ Dublin u, fid-diskors ta’ wara, Higgins qal li kien qed jaċċetta t-tieni mandat tal-Presidenza ‘b’umiltà u b’daqstant ieħor determinazzjoni’.
Sadanittant, il-konkorrenza tal-votanti kienet waħda baxxa f’ħafna zoni tal-pajjiż.
Dan meta ’l fuq minn 3.2 miljuni kienu eliġibbli biex jitfgħu l-voti tagħhom għal din l-elezzjoni u referendum.
//= $special ?>

