“Il-baġit imressaq għas-sena d-dieħla jikxef kif il-Gvern ma għaddiex mill-eżami jekk hux kapaċi jgħin lil min hu fil-periklu tal-faqar.
“Il-baġit għas-sena d-dieħla ma jgħinx lill-familji jserrħu rashom li jkollhom saqaf fuq rashom jew li jsiru sidien ta’ djarhom; ma jgħinx lill-ħaddiema li jkollhom dħul adegwat li jpaċi l-ispejjeż li għandhom; ma jgħinx liż-żgħażagħ biex jippjanaw u jibnu futur; u ma jgħinx lill-pensjonanti biex ikollhom kwalità ta’ ħajja sana minn kull aspett.
“Għalhekk meta għada se nkun qed inwieġeb għad-diskors tal-baġit se nfittex li nindirizza dawn it-temi kollha… inkluż ukoll il-falliment mill-eżami tal-Gvern li ma jindirizzax il-bżonnijiet tal-futur ta’ pajjiżna.
“Se ngħid x’kien jagħmel il-Partit Nazzjonalista kieku jinsab fil-Gvern fix-xenarju tal-lum. Kif kieku npoġġu lin-nies fiċ-ċentru tal-politika tagħna biex ħadd ma jaqa’ lura u jgħix kwalità ta’ ħajja deċenti u b’serħan il-moħħ.
“Se nindirizza lil kull settur f’pajjiż… inkluż lil Għawdex li anqas biss hu msemmi fil-baġit għaliex il-Gvern ma hu jippjana xejn għalih… u nuri kif inhi t-triq ‘il quddiem għall-ġid ta’ pajjiżna u tal-Maltin u l-Għawdxin kollha… inkluż ukoll ta’ dawk li jridu jinvestu f’artna.”
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan f’intervista ma’ il-mument dwar il-Baġit 2019 u wkoll dwar id-diskors tiegħu għada t-Tnejn fil-Parlament fejn se jkun qed iwieġeb għad-diskors tal-baġit.
Adrian Delia fisser ma’ il-mument li dan hu baġit li bl-aktar mod dirett ma jaħsibx fin-nies u ma jippjanax għall-futur.
Fis-soċjetà tagħna għandna n-nies iż-żgħar. Dawk li huma fraġli u vulnerabbli. Dawk li qegħdin fil-faxxa tas-soċjetà li jkunu qed jistennew iż-żieda tal-baġit iżda issa li se jingħataw €2.33 jibdew jistaqsu x’differenza se tagħmlilhom fil-ħajja u jekk din hix se twassal biex ikunu jistgħu jpaċu r-realtà tal-ħajja tagħhom, fost l-oħrajn, minħabba l-għoli tal-ħajja li aħna ċċirkondati bihom.
In-nies li tinsab f’din il-faxxa tal-ħajja tistaqsi jekk din iż-żieda tal-baġit hix se ttejbilhom il-ħajja tagħhom. Jisimgħu lill-Prim Ministru jgħid li dan hu Baġit bla taxxi, iżda mbagħad kulħadd jintebaħ li fil-verità t-taxxi jkunu ġew qabel.