Il-ħadd filgħodu ġie inawgurat il-Monument għall-Vittmi Pirotekniċi mill-Kumitat tan-Nar ta’ Santa Liena.
F’din l-okkażjoni saret quddiesa kantata fi Ġnien Anthony Mamo fejn tliet baned Karkariżi ingħaqdu u taw sehemhom.
Permezz tal-monument qed jitfakkru 12-il vittma illi sfaw vittma tal-ħidma tagħhom għan-nar tal-festa ta’ Santa Liena. Dawn huma Espedito Camilleri li miet fil-5 ta’ Mejju fl-1929, Victor Agius, Guzeppi Borg u Anthony Grech li sfaw vittmi ta’ splużjoni fit-28 ta’ Ġunju fl-1950.
Hemm ukoll Costanzo Mifsud li tilef ħajtu fl-24 ta’ Lulju 1981 u li kien meqjus bħala wieħed mill-pijuniri tal-piroteknika Maltija hekk kif bosta nies minn madwar Malta, kienu tgħallmu jaħdmu n-nar taħt is-superviżjoni tiegħu. Mifsud jibqa’ magħruf għall-introduzzjoni tal-bomba bid-daħna kkulurita li nħarqet l-ewwel darba fil-Festa ta’ Santa Liena tal-1958.
Jitfakkru wkoll Anthony Borg huwa vittma ieħor tal-piroteknika li tilef ħajtu fit-12 ta’ Frar tal-1994 u Godwin Debono li tilef ħajtu ta’ 55 sena fl-24 ta’ April fl-2003.
Dan waqt li Vincent Galea, Paul Bonnici, Sunny Borg, Richard Cardona u Carmel Farrugia tilfu ħajjtihom fl-isplużjoni tas-27 ta’ Ġunju fl-2007.
//= $special ?>