Lokali

Ir-reazzjoni tal-editorjal tat-Times of Malta għall-Budget

Il-Gvern m'għandux il-prijoritajiet tiegħu sew meta qed jibbaża t-tkabbir ekonomiku tal-futur fuq l-ammont dejjem jikber ta' ħaddiema barranin.

Il-Budget 2019 ippreżentat mill-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna t-Tnejn li għadda hu riflessjoni tal-ekonomija soda li għandu l-pajjiż, iżda l-viżjoni dgħajfa li għandu l-Gvern.

Hekk qalet il-gazzetta The Sunday Times of Malta fl-Editorjal tagħha, li spjegat kif minkejja ċ-ċifri pożittivi, il-Gvern ma għamel xejn biex jitratta diversi setturi li qed jiffaċċjaw numru ta’ sfidi.

Fost l-oħrajn isemmi kif il-Gvern mhux jieħu ħsieb sew il-kwistjoni tal-immigrazzjoni, anke billi ma alloka l-ebda finanzi biex l-immigranti jintegraw fis-soċjetà. F’nuqqas ta’ dan, inkunu qed nirriskjaw li tinħoloq klassi aktar baxxa u permanenti, tenniet il-gazzetta.

L-intenzjoni tal-Gvern li jġib 70,000 ħaddiem barrani ieħor, f’pajjiż li jikklassifika fis-seba’ post fost dawk bl-aktar densità fil-popolazzjoni, żgur li se tkun qed toħloq pressjoni fuq l-infrastruttura fil-pajjiż u prezzijiet aktar ogħla għall-propjetà.

The Sunday Times of Malta tkompli tgħid li l-Gvern lanqas ma ħa ħsieb il-problema tat-traffiku, tant li ma żied l-ebda proposta biex inaqqas l-ammont kbir
ta’ karozzi li għandna fit-toroq Maltin. Għandu jara wkoll kif se joħloq sistema aktar moderna u effiċjenti għat-trasport pubbliku, bħall-monorail jew il-metro.

Iżda biex dan isir, hemm bżonn pjan fit-tul, mezz biex jinkisbu aktar fondi mill-Unjoni Ewropea u ‘timeframe’ ċar u definit.

Bl-istess mod, ma sar xejn lanqas dwar it-Turiżmu, speċjalment biex naraw li jkollna turisti ta’ kwalità aktar milli fil-kwantità. Dan meta kulħadd jaf li t-Turiżmu hu pilastru ewlieni fl-Ekonomija Maltija. U dwar l-Ambjent ukoll, il-Gvern kellu jagħmel aktar, fosthom anke billi ma jaċċettax aktar bini tiela’ fl-għoli.

Dwar il-ħasil tal-flus, il-gazzetta nnutat l-intenzjoni tal-Gvern li jimplimenta 45 proposta, partikolarment għall-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli f’dan is-settur. Madankollu, kien innutat xettiċiżmu dwar kemm dawn il-proposti se jidħlu fis-seħħ, aktar u aktar wara r-rekord ta’ skandli li esponenti tal-Gvern kienu nvoluti fihom fl-aħħar snin