Il-Qorti kkundanat lil Justin Camilleri ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ biex iħallas multa ta’ €800 li jrid jitħallsu f’pagamenti ta’ €50 fix-xahar, u ħarġet ordni ta’ trażżin għal sena u nofs għall-familja tiegħu u għall-pulizija.
Dan wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded pulizija, membri tal-familja u li kiser il-paċi pubblika. Hu nstab ħati u nħatar uffiċjal tal-probation sabiex isegwih għal sentejn u nofs.
Il-każ inqala’ wara diżgwid li l-akkużat kellu ma’ ommu u ħutu għax talabhom flus u ma ridux ituh għax jidher li għandu problema tad-droga.
Kien hawn li l-Pulizija rreferewh għall-kura u waqt li kienu qed iwassluh lejn iċ-ċentru tas-saħħa ta’ Ħal Qormi, l-akkużat hedded lill-pulizija li kien qed jeskortah. Kompla jgħid li l-akkużat iddaħħal l-isptar Monte Carmeli għall-kura, u nħareġ mandat biex kif joħroġ mill-isptar, jiġi arrestat.
L-akkużat qal li se jmur jgħix fix-xelter Dar San Franġisk u li bħalissa mhux jaħdem. L-akkużat iddikjara li kien għamel programm f’San Blas u li kien ilu tmien xhur ma jmissx mad-droga.
//= $special ?>