Miljuni ta’ Brażiljani vvutaw biex jagħżlu wieħed minn żewġ politiċi ferm differenti minn xulxin u li jrid jassumi r-responsabbiltà bħala l-President il-ġdid tal-pajjiż.
Il-kandidat estremista tal-lemin, Jair Bolsonaro, qed jiffaċċja lil Fernando Haddad tal-Partit tal-Ħaddiema fit-tieni u l-aħħar rawnd tal-elezzjonijiet Presidenzjali, u meta r-riżultat mistenni għal tard matul il-lejl.
Din kienet elezzjoni mtappna bl-iskandli tal-korruzzjoni u li fiha spikka attakk vjolenti fuq Bolsonaro, li kellu jgħaddi minn kirurġija urġenti wara li spiċċa ferut b’sikkina.
Bolsonaro, eks kaptan tal-Armata, qed jippromovi politika ‘provokattiva’ dwar, fost oħrajn, l-immigrazzjoni, l-abort u r-regoli għall-armi tan-nar fil-Brażil.
Haddad, eks Sindku ta’ Sao Paolo u Ministru għall-Edukazzjoni, kien ħa post l-eks President tal-Brażil Luiz Inacio Lula da Silva (li qed jiskonta l-ħabs għall-korruzzjoni) bħala l-kandidat għall-Partit tal-Ħaddiema, ftit qabel l-ewwel rawnd tal-elezzjoni.
L-aħħar indikazzjonijiet qabel l-elezzjoni kienu li Bolsonaro hu l-favorit li jirbaħ din l-elezzjoni ‘b’marġni pjuttost komda’. Dan wara li hu irnexxielu jisfrutta l-għadab għall-Partit tal-Ħaddiema Brażiljan, li fissru bħala ‘sinonimu mal-korruzzjoni’, waqt li akkuża wkoll lill-istess partit ‘dwar il-problemi ekonomiċi u l-vjolenza li qed tiżdied fil-pajjiż’.
Hu minu li l-Brażil qed ibati mill-kriminalità vjolenti fost l-effetti ta’ skandlu kbir ibbażat fuq it-tixħim tal-politiċi u li heżżeż lill-ispektru politiku lokali.
Madwar 147 miljun Brażiljani kienu eliġibbli biex jivvutaw bir-rebbieħ bejn Bolsonaro u Haddad irid jieħu post il-President tal-Brażil, Michel Temer, tal-Partit għall-Moviment Demokratiku konservattiv.
Il-Brażiljani anki vvutaw fl-aħħar sigħat, għall-Gvernaturi fis-27 Stat tal-Brażil u għall-513-il membru fil-kamra tad-deputati.
//= $special ?>

