Raġel Ingliż ta’ 42 sena residenti San Pawl il-Baħar li ismu ma jistax jixxandarx biex jiġu protetti t-tfal, tressaq il-Qorti akkużat bi vjolenza domestika fuq is-sieħba tiegħu li magħha għandu t-tfal.
L-Ispettur Godwin Scerri akkuża lir-raġel li mingħajr l-intenzjoni li joqtol jew li jpoġġi l-ħajja tas-sieħba tiegħu f’periklu, huwa kkaġunalha feriti ħfief kif ukoll li insulentaha u li heddidha.
Fil-Qorti, l-Ispettur Scerri spjega li l-Ġimgħa filgħaxija daħal rapport l-għassa tal-Qawra dwar vjolenza domestika. Qal li meta marru fil-post il-pulizija sabu lis-sieħba tal-akkużat b’daqqa fuq moħħha u bid-demm nieżel ma’ wiċċha.
Dan ma kienx l-ewwel rapport ta’ vjolenza domestika kontra l-akkużat.
Hu wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u talab għall-ħelsien mill-arrest. Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx sakemm l-akkużat ikollu residenza alternattiva u toħroġ ordni ta’ protezzjoni.
It-talba tiegħu ntlaqgħet b’depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000 minbarra diversi kundizzjonijiet fosthom li jidher fil-proċeduri, ma jsifirx u jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa l-għassa ta’ Birżebbuġa li hija l-lokalità fejn se jmur jgħix.
//= $special ?>