Lokali

Joseph Muscat jiftaħar b’suċċess li mhux qed jasal għand kulħadd

B’budget bla viżjoni li falla milli jgħin lill-familji, ‘il-ħaddiema, liż-żgħażagħ u ‘il-pensjonanti, f’attività politika fil-Gżira l-aġenda tal-Partit Laburista kienet li ma jitkellimx fuq dawn il-problemi anzi jirredikolahom u jirredikola lin-nies f’riskju ta’ faqar. Tant hu hekk li l-Ministru tal-Finanzi, Edward Scicluna qal li kieku għandu viżjoni jista’ jqis lilu nnifsu bħala beautu… u li kieku qed jara xi viżjoni għandu bżonn psikjatra… bl-istess nifs jgħid li l-Gvern għandu roadmap ċara fuq kollox.

Fl-istess diskorsi, kemm mill-Ministru Scicluna u anki mill-Prim Ministru Joseph Muscat ma qalu xejn dwar l-iktar affarijiet importanti u li qed jolqtu b’mod ħażin lil pajjiżna. Joseph Muscat qal li t-tqassim tal-ġid huwa l-ikbar kejl tas-suċċess, meta bis-7 budget li ppreżenta l-Gvern immexxi minnu l-ġid li qed jinħoloq mhux jasal għand kulħadd.

Il-budget jinjora l-fatt li l-faqar finanzjarju żdied b’10,400 f’dawn l-aħħar ħames snin minn 61,700 għal 72,100, li l-pagi jinsabu taħt pressjoni minħabba ċ-cheap labour bil-politika tal-Gvern li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni. F’Malta hawn 72,000 persuna li jinsabu fir-riskju tal-faqar.

Il-viżjoni mcajpra tal-Gvern Laburista tkompli tippersisti

Joseph Muscat ftaħar li dan kien budget bla taxxi ma qal xejn fuq iż-żidiet li l-familji u l-pensjonanti qed jaraw tul is-sena kollha bħalma huma ż-żieda ta’ 4.4% fil-prezzijiet tal-ikel, iż-żieda fil-petrol u d-diesel, fil-gass u fi prodotti oħra essenzjali. L-aħħar statistika turi li ż-żieda ta’ €2.33 fil-ġimgħa żgur li mhix biżżejjed biex persuni bi dħul baxx ilaħħqu mal-ħajja.

Il-budget tal-Gvern iħalli barra bosta setturi fosthom lin-nisa, l-bdiewa, s-sajjieda u d-dilettanti tal-motorsports fost l-oħrajn, u naqas li jindirizza l-problemi li l-ħoloq il-Gvern stess bħalma huma s-sigurtà, u nuqqas ta’ tħaddim ġust tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma bil-konsegwenza li l-familji qed iħallsu aktar għall-enerġija.

B’dan il-budget, persuni li kienu qed ibatu biex jaslu sal-aħħar tax-xahar se jibqgħu jbatu.