Il-Pulizija ta’ Leicestershire, is-servizzi għall-emerġenzi u awtoritajiet oħrajn qed jindagaw iċ-ċirkustanzi li wasslu għat-tiġrif tal-ħelikopter tas-sid ta’ Leicester City FC barra l-King Power Stadium matul il-lejl li għadda.
It-traġedja, li seħħet xi siegħa wara tmiem il-logħba tal-Premier League bejn Leicester u West Ham United nisslet sens kbir ta’ dieqa u x-xena madwar l-istadium, illum, kienet waħda surreali waqt li l-folol tan-nies, inklużi partitarji, kienu qegħdin iduru fl-inħawi.
Sorsi qrib il-familja tas-sid Tajlandiż tal-klabb, Vichai Srivaddhanaprabha, qalu li hu kien qiegħed fil-ħelikopter fil-ħin tat-tiġrif, Dan meta ma kienx ikkonfermat in-numru ta’ persuni li kienu fil-ħelikopter, għalkemm is-sorsi qegħdin jgħidu li kien hemm erba’ persuni abbord fil-ħin tat-traġedja.
Ix-xhieda li kienu fl-inħawi ftit qabel it-traġedja qalu li l-ħelikopter kien laħaq telaq mill-inħawi qabel tilef il-kontroll u kraxxja f’balla ta’ nirien.
Dan meta llum, il-partitarji ta’ Leicester kienu qed iqiegħdu l-bukketti tal-fjuri u simboli oħra ta’ tislima barra l-King Power Stadium.
Kienu innutati wkoll minuti ta’ silenzju rispettivi qabel il-logħbiet l-oħra tal-Premier League li ntlagħbu llum fl-Ingilterra.
//= $special ?>

