Futbol Sport

Leicester jikkonfermaw il-mewt taċ-chairman Vichai Srivaddhanaprabha

(Ritratt: EPA)

Leicester City ikkonfermaw li ċ-chairman Vichai Srivaddhanaprabha kien fost ħames persuni li mietu wara li ħelikopter iġġarraf is-Sibt filgħaxija. In-negozjant mit-Tajlandja li miet fl-età ta’ 60 sena, kien abbord il-ħelikopter personali li tilef il-kontroll u ġġarraf f’parkeġġ tal-karozzi fil-King Power Stadium wara l-logħba tas-Sibt li Leicester kellhom kontra West Ham.

Stqarrija tal-klabb qalet li b’sogħba u b’qalb maqsuma jikkonfermaw li ċ-chairman kien fost dawk li tilfu ħajjithom flimkien ma’ erba’ persuni. Huma kkonfermaw li l-ebda mill-ħames persuni abbord ma salvaw. “Il-ħsibijiet primarji tagħna fil-klabb jinsabu mal-familja Srivaddhanaprabha u dawk abbord għal din it-telfa li tħalli lil kulħadd bla kliem. F’Khun Vichai, id-dinja tilfet raġel kbir.”

L-istqarrija tal-klabb Ingliż kompliet li Srivaddhanaprabha kien raġel ta’ qalb tajba u ta’ ġenerożità. Huma qalu li se jkomplu l-viżjoni tal-klabb li issa ġiet legat tiegħu li ħalla. Srivaddhanaprabha li waqqaf il-kumpanija King Power Duty Free, xtara l-klabb ta’ Leicester f’Awwissu tal-2010 u sar iċ-chairman tal-klabb f’anqas minn sitt xhur.

Taħt it-tmexxija tiegħu, Leicester kisbu l-promozzjoni fil-Premier League fl-2014 u kontra kull mistenni rebħu l-Premier League fl-istaġun 2015/16. F’dak l-istaġun, Leicester kienu serqu l-qlub tad-dilettanti tal-futbol, b’ Srivaddhanaprabha jkun wieħed mill-protagonisti assoluti ta’ dan is-suċċess.

Fil-logħbiet mill-Premier League, minbarra t-tislima għal dik magħrufa bħala Rememberance Day, inżammet ukoll minuta silenzju għat-traġedja tas-Sibt filgħaxija.