Futbol Sport

Manchester United jirritornaw għar-rebħ

(Ritratt: EPA)
Chelsea jibqgħu mhux megħluba u Arsenal miżmuma

Manchester United irritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Everton 2-1. Ir-Red Devils fetħu l-iskor fis-27 minuta meta ngħataw penalty għal fawl fuq Anthony Martial. Mill-11-il metru Pickford salva parzjalment il-penalty, iżda l-istess Paul Pogba skorja mir-rebound.

Manchester United irduppjaw fil-bidu tat-tieni taqsima b’xutt sabiħ ta’ Anthony Martial li spiċċa fir-rokna tax-xibka. Everton daħlu fil-logħba fis-77 minuta wara li ngħataw penalty għal fawl ta’ Chris Smalling. Mill-11-il metru Gylfi Sigurdsson ma żbaljax. Fl-aħħar minuti, Everton pruvaw isalvaw il-logħba, iżda ma rnexxielhomx isibu l-gowl importanti.

Chelsea baqgħu mhux megħluba b’rebħa ta’ 4-0 kontra Burnley. Chelsea fetħu l-iskor fit-23 minuta meta Ross Barkley għadda vertikalment lejn Alvaro Morata li b’konklużjoni fil-baxx għeleb lil Joe Hart. It-tim ta’ Sarri rdoppja fis-56 minuta b’xutt preċiż fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Ross Barkley, biex seba’ minuti wara Willian għamilhom 3-0 b’xutt ieħor minn barra l-kaxxa. Ruben Loftus Cheek issiġilla r-rebħa fil-ħin miżjud.

Arsenal kienu miżmuma f’Selhurst Park fi draw ta’ 2-2 kontra Crystal Palace. Dan kien l-ewwel draw għal Arsenal kemm ilu Unai Emery fit-tmexxija ta’ Arsenal filwaqt li l-Gunners naqsu li jiksbu t-12-il rebħa konsekuttiva fil-kompetizzjonijiet kollha.

Kien it-tim ta’ Hodgson li fetaħ l-iskor qabel tmiem l-ewwel taqsima, meta rebħu penalty għal fawl ta’ Mustafi. Mill-11-il metru Luka Milivojevic għeleb lil Leno. Il-Gunners wettqu reazzjoni u dawru l-iskor f’erba’ minuti. L-ewwel kien free-kick mill-isbaħ ta’ Granit Xhaka, biex Pierre-Emerick Aubameyang poġġiehom fil-vantaġġ mill-viċin. Iżda reġa’ kien Milivojevic li ġab id-draw minn penalty ieħor fit-83 minuta.