Futbol Sport

Napoli jsalvaw punt lejn it-tmiem

(Ritratt: EPA)
Jintlagħbu sitt logħbiet mill-għaxar ġurnata tas-Serie A

Id-distakk bejn Juventus u Napoli reġa’ hu ta’ sitt punti, wara li Napoli ma rebħux kontra Roma fejn saħansitra skorjaw lejn it-tmiem biex evitaw. Milan jiksbu rebħa importanti kontra Sampdoria filwaqt li Frosinone kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat. Il-problemi għal Chievo komplew u għadhom bi tnaqqis ta’ punt.

SARDENJA – Cagliari rebħu 2-1 kontra Chievo. LEONARDO PAVOLETTI fetaħ l-iskor wara kwarta b’daqqa ta’ ras. LUCAS CASTRO rdoppja fid-59 minuta b’xutt sabiħ minn barra l-kaxxa, bl-attakkant MARIUSZ STEPINSKI jnaqqas id-distakk għaxar minuti mit-tmiem.

GENOVA – Genoa u Udinese spiċċaw fi draw ta’ 2-2. ROMULO poġġa lil Genoa minn fuq fit-32 minuta minn penalty, iżda KEVIN LASAGNA ġab id-draw b’daqqa ta’ ras fil-65 minuta. Żewġ minuti wara CRISTIANO ROMERO reġa’ poġġa lil Genoa minn fuq, iżda kien RODRIGO DE PAUL li ġab id-draw fis-70 minuta b’xutt minn barra l-kaxxa.

MILAN – Milan irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Sampdoria 3-2 f’logħba missielta. Ir-Rossoneri fetħu l-iskor wara 17-il minuta bi kross ta’ Suso mil-lemin li sab lil PATRICK CUTRONE li għeleb lil Emil Audero b’daqqa ta’ ras, iżda Sampdoria ġabu d-draw erba’ minuti wara b’xutt fil-baxx għar-rokna ta’ RICCARDO SAPONARA.

Sampdoria saħansitra marru minn fuq fil-31 minuta meta FABIO QUAGLIARELLA rċieva ballun fit-tul u għeleb lil Donnarumma b’xutt mill-ewwel fuq il-ġirja. Din id-darba kien imiss lil Milan li jiskorjaw mill-ewwel b’kombinazzjoni tajba bejn GONZALO HIGUAIN u Cutrone, bl-attakkant Arġentina jiskorja minn qagħda ideali. Milan skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fit-62 minuta b’azzjoni personali ta’ SUSO li qata’ għan-nofs u skorja b’xutt fil-baxx fuq it-tieni lasta minn tarf il-kaxxa.

NAPOLI – Napoli naqsu li jwieġbu għar-rebħa ta’ Juventus is-Sibt, u saħansitra salvaw punt lejn it-tmiem fi draw ta’ 1-1 kontra Roma. B’hekk id-distakk minn ma’ Juventus reġa’ jinsab sitt punti, u saħansitra jistgħu jintlaħqu minn Inter jekk jirbħu llum. STEPHAN EL SHAARAWY poġġa lil Roma minn fuq wara 14-il minuta meta tħalla żmarkat fil-kaxxa u għeleb lil Ospina b’xutt li qabeż bi ftit il-linja. Huma dehru li se jiksbu rebħa importanti, iżda Napoli salvaw il-logħba fid-90 minuta bi kross ta’ Insigne għan-nofs lejn Jose Callejon li laqat ħażin, iżda l-ballun spiċċa fid-direzzjoni ta’ DRIES MERTENS li skorja mill-viċin.

SASSUOLO – Sassuolo u Bologna spiċċaw 2-2. Kienu Bologna fetħu l-iskor wara 83 sekonda b’RODRIGO PALACIO jegħleb lil Andrea Consigli wara kross ta’ Santander, iżda Sassuolo ġabu d-draw fis-17-il minuta b’xutt sabiħ mid-distanza ta’ MARLON. Bologna reġgħu marru minn fuq fis-56 minuta permezz ta’ IBRAHIM MBAYE, madankollu Sassuolo reġgħu ġabu d-draw fil-85 minuta minn penalty ta’ KEVIN PRINCE BOATENG.

FERRARA – Frosinone kisbu l-ewwel rebħa tal-kampjonat b’rebħa ta’ 3-0 fuq Spal. RAMAN CHIBSAH fetaħ l-iskor b’daqqa ta’ ras fl-40 minuta. CAMILLO CIANO rdoppja fit-53 minuta, biex ANDREA PINAMONTI ssiġilla r-rebħa fid-89 minuta b’gowl mill-isbaħ.

Tags