Internazzjonali

Stati Uniti: Spinta tas-sigurtà fis-sinagogi wara l-massakru ta’ Pittsburgh

L-awtoritajiet madwar l-Istati Uniti taw spinta lis-sigurtà madwar is-sinagogi u postijiet oħrajn ta’ devozzjoni wara l-qtil brutali, waqt sparatura, ta’ 11-il persuna f’sinagoga ta’ Pittsburgh. Ma kien hemm l-ebda tfal fost il-vittmi f’dan il-każ partikulari.

L-aggressur responsabbli, Robert Bowers, ta’ 46 sena, hu akkużat li fetaħ in-nar fuq in-nies fit-Tree of Life Synagogue f’ħin meta kien għaddej servizz reliġjuż. Fl-aħħar sigħat, l-istituzzjonijiet reliġjużi fi New York, Los Angeles, Chicago u Philadelphia kienu suġġetti għal rondi ‘addizzjonali’ mill-Pulizija.

L-awtoritajiet f’Pittsburgh anki kkonfermaw il-feriment ta’ mill-anqas sitt persuni fl-isparatura, meta Bowers qed jiffaċċja 29 att ta’ akkuża kriminali, fosthom il-pussess ta’ arma tan-nar ‘b’intenzjoni għal omiċidju’.

Intant, il-massakru f’Pittsburgh qed jitqies bħala ‘l-agħar attakk anti-Semitiku’ fl-istorja moderna tal-Istati Uniti.

Il-prosekuturi Federali beħsiebhom anki jressqu akkużi speċifiċi fis-sens li Bowers kien qed iwettaq ‘reat xprunat mill-mibegħda’, meta hu possibbli li dan ir-raġel jeħel il-piena tal-mewt.

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, fisser l-attakk bħala ‘azzjoni krudili intenzjonata għal qtil tal-massa’, waqt li l-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu, qal li ‘kulħadd għandu jqum u jirreżisti l-azzjonijiet anti-Semitiċi’.

Sadanittant, il-President Trump qal li hu kellu jżur Pittsburgh ‘dalwaqt’. Hu fl-istess ħin, ħareġ direttiva biex il-bnadar tal-Istati Uniti fuq il-bini tal-Gvern iperpru mezz’asta sal-aħħar tax-xahar b’simbolu ta’ luttu.

Is-sinagoga ta’ Squirrel Hill għandha waħda mill-akbar popolazzjonijiet tal-Lhud fl-Istat ta’ Pennsylvania u l-massakru seħħ f’ħin meta d-devoti kienu miġburin hemmhekk għal ċerimonja li fiha jingħataw l-ismijiet lit-trabi l-ġodda.

Skont ir-rapporti, Robert Bowers daħal fil-bini armat b’azzarin u tliet pistoli u qatel, kiesaħ u biered, numru ta’ persuni li nzertaw quddiemu.Waqt li Bowers kien qed iħalli s-sinagoga, huwa kkonfronta lill-pulizija u spiċċa involut fi sparatura magħhom. Ftit wara, l-aggressur daħal lura fis-sinagoga, u mbagħad ma damx biex ċeda lill-pulizija. Intant, hu ddaħħal l-isptar biex ikun ittrattat għall-ġrieħi li ġarrab waqt l-isparatura mal-qawwiet tal-liġi.

L-istampa Amerikana qalet li waqt li kien qed jispara fuq in-nies fis-sinagoga, l-aggressur għajjat li ‘il-Lhud kollha jeħtieġ jinqatlu’. Intant, rapporti oħrajn sostnew li messaġġi fuq il-midja soċjali ‘li kien bagħat raġel bl-isem ta’ Robert Bowers’ kienu mimlijin b’messaġġi anti-semitiċi.