Futbol Sport

Finalment tasal l-ewwel rebħa ta’ Senglea

(Ritratt: Domenic Aquilina)

ST. ANDREWS…………….. 1   SENGLEA A………………… 2

St. Andrews: M. Calleja Cremona, J. Walker (A. Friggieri 59’), A. Borg, T. Blagrove, K. Pulo, K. McFarlane (M. Woo Ling 80’), J. Farrugia, R. Martin (K. Magro 56’), A. Brown, M. Davis, K. Atkinson

Senglea: M. Farrugia, B. Muscat, Z. Cassar, M. Ivanovic, I. Gonzalez, F. Bramati, B. Volpini (A. White 90’), N. Garcia, L. Grech (M. Bartolo 89’), A. Caseres, R. Tcanturia (K. Cutajar 87’)

Imwissija: B. Muscat 5’, R. Tcanturia 54’, M. Garcia 64’, B. Volpini 90’ (Se), R. Martin 27’, A. Brown 58’, K. McFarlane 72’ (SA)

Tkeċċa: A. Caseres 80’ (Se)

Skorjaw: R. Tcanturia 45’ pen, B. Volpini 60’ (Se), A. Borg 90’ (SA)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri, Darko Stankovic

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Braian Volpini (Senglea Athletic)

Wara li fl-ewwel seba’ ħarġiet fil-kampjonat kisbu biss punt u ddiżappuntaw, finalment waslet l-ewwel rebħa għal Senglea Athletic li għelbu lil St. Andrews 2-1. Dan kien sinjal pożittiv għat-tim ta’ Vincenzo Potenza li fl-aħħar logħbiet beda jkun hemm titjib fit-tim.

Dan kien pass falz ta’ St. Andrews wara li kienu ġejjin minn rebħiet pożittivi kontra Birkirkara u Qormi, bil-kowċ Johann Scicluna jrid jgħaqqad lit-tim malajr biex jipprepara għall-konfront li jmisshom kontra Balzan.

L-ewwel azzjoni denja tal-logħba waslet fit-18-il minuta b’xutt mill-viċin ta’ Jacob Walker ikun salvat minn Matthew Farrugia. Erba’ minuti wara, waslet ir-risposta ta’ Senglea b’daqqa ta’ ras ta’ Augusto Caseres li għaddiet fuq il-lasta, wara li kien irċieva kross ta’ Leighton Grech.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima minn korner tas-solitu Joseph Farrugia, Travis Blagrove falla l-mira b’daqqa ta’ ras minkejja li kien f’pożizzjoni tajba. Iżda Senglea temmew it-taqsima fuq l-attakk, bid-difensur Blagrove jbiegħed minn fuq il-linja daqqa ta’ ras ta’ Leighton Grech, iżda mill-istess azzjoni Senglea fetħu l-iskor, b’Leighton Grech jitwaqqa’ minn Ricardo Martin fil-kaxxa. Mill-11-il metru ROMAN TCANTURIA ma żbaljax.

Għaxar minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Martin Davis kellu xutt li għadda ftit bogħod mill-wieqfa. Madankollu kienu Senglea li rduppjaw mas-siegħa logħob b’azzjoni tajba ta’ BRAIAN VOLPINI li rnexxielu jsib ir-rokna tax-xibka, b’xutt fil-baxx.

St. Andrews dehru maħsuda, b’Senglea jmorru qrib li jagħlqu l-logħba kwarta mit-tmiem, iżda Calleja Cremona kellu ħsibijiet oħra u salva tajjeb ix-xutt b’saħħtu ta’ Tcanturia. L-istess gowlkiper ta’ St. Andrews salva xutt ta’ Brandon Muscat.

Il-logħba ħadet żvolta għaxar minuti mit-tmiem meta Augusto Caseres tkeċċa wara fawl fuq Karl Pulo. Ftit wara, St. Andrews marru viċin li jidħlu fil-logħba, b’xutt ta’ Kurt Magro tkun salvata parzjalment minn Farrugia, iżda mir-rebound Aidan Friggieri spara għoli.

Fil-ħin miżjud, St. Andrews naqqsu d-distakk b’ADRIAN BORG jidħol tajjeb minn free-kick ta’ Joseph Farrugia u għeleb lil Farrugia b’daqqa ta’ ras, iżda ma kienx fadal ħin biex tal-anqas isalvaw punt.