Lokali Qorti

Franco Debono irid jerġa’ jsejjaħ lil Simon Schembri biex jixhed

L-avukat difensur jagħmel diversi appelli għall-prudenza

Wara talba tad-Difiża ta’ Liam Debono, iż-żagħżugħ akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-Kuntistabbli Simon Schembri, il-vittma se jerġa’ jitla’ jixhed.

L-Avukat Franco Debono għamel din is-sottomissjoni fil-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ taż-żagħżugħ, fid-dawl tal-iżviluppi li seħħew mill-Ġimgħa ‘l hawn, meta l-Qorti waqqfet lill-programm Xarabank milli jxandar intervista ma’ Liam Debono.

Franco Debono nsista li Schembri għandu jispjega għaliex hu ma jsibx oġġezzjoni li jidher fuq it-televiżjoni jew waqt xi attività, filwaqt li oġġezzjona meta kien se jidher iż-żagħżugħ. Skont l-Avukat Debono, il-Kuntistabbli qabeż quddiem l-intervista bħalma dakinhar tal-inċident qabeż quddiem il-karozza tal-akkużat.

Qabel l-istqarrija tad-Difiża, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud semgħet ix-xhieda ta’ għadd ta’ esperti mediċi u membri tal-Korp. Imbagħad, l-Avukat Debono qal li ladarba jerġa’ jkun fuq il-pedana tax-xhieda, ikun jista’ jsir x-ray ċar tal-karattru ta’ Simon Schembri.

Bil-preżenza tiegħu fuq il-mezzi tax-xandir u fl-attivitajiet, il-Kuntistabbli qed jgħid li hu jista’ jitkellem, iżda appena xi ħadd ikun se jitkellem, jagħlaqlu ħalqu, tenniet id-Difiża. Kompliet billi nnutat li l-vittma għall-ewwel aċċetta li jipparteċipa f’Xarabank, iżda mbagħad qabeż fin-nofs meta sar jaf li kien se jidher l-akkużat.

Franco Debono qal li l-akbar ipokrezija ta’ Schembri kienet meta aċċetta li jkun intervistat għax qal li din ma kinitx se tkun xi forma ta’ pubbliċità għalih.

Min-naħa tiegħu, il-Maġistrat Mifsud staqsa jekk hux possibbli li l-akkużat jibqa’ l-ħin kollu sieket fl-Awla, iżda mbagħad imur jagħti l-opinjoni tiegħu fil-media. Iżda l-Avukat Debono wieġeb li s-sitwazzjoni hi waħda li tista’ tinfluwenza lill-ġurija, meta għadd ta’ filmati għadhom iduru fuq l-internet. Ma taħsibx li dan jaffettwa lill-ġurati, staqsa Debono.

Wara s-sottomissjoni tad-Difiża, u minħabba li ma kienx hemm oppożizzjoni mill-Prosekuzzjoni u l-parte ċivile, il-Qorti aċċettat li Simon Schembri jerġa’ jitla’ jixhed. Il-kawża ġiet aġġornata għal għada fl-10.30am.

Sadanittant, id-Difiża appellat ukoll għall-prudenza wara artiklu ppubblikat fil-gazzetta Illum wara li l-akkużat ġie mpinġi daqslikieku diġà ħati. Kien innutat li l-awtur tal-artiklu hu Avukat hu nnifsu u għalhekk suppost jaf safejn għandu jasal.

Wara li nqara l-artiklu, il-Qorti ddeċidiet li tibgħatu lill-Avukat Ġenerali, bl-awtur tal-artiklu mitlub iwieġeb għal din il-kontestazzjoni fi żmien 24 siegħa. Il-Qorti rriservat id-dritt li toħroġ digriet wara li jaslu r-risposti relatati.

Il-Maġistrat Mifsud qal li din it-talba kienet se tingħadda lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex tinvestiga u tiddeċiedi kif meħtieġ.