Basketball Sport

Hibernians u Starlites se jikkontestaw il-finali tal-irġiel u tan-nisa tas-St. James Hospital Shield

(Ritratt: Joseph Galea)

Il-finali tas-St. James Hospital Shield tal-irġiel se tintlagħab bejn Hibernians u Starlites GIG wara li t-tnejn rebħu s-semifinali kontra Gżira Athleta u BUPA Luxol rispettivament.

HIBERNIANS……………. 88   GŻIRA ATHLETA…………… 72

(18-18, 23-12, 23-19, 24-23)

Hibernians: R. Vella (3), P. Attard, L. Farrugia (8), K. Falzon, M. Formosa, I. Bonett (2), A. Axiaq (5), M. Matijevic (20), A. Lizaur (24), C. Patus (26)

Gżira: P. Shoults, L. Stefanovic (8), A. Peroncic (4), N. Xuereb (17), M. Gouder (11), K. Thompson (29), I. Mitrovic (3)

Referees: Bernard Vassallo, Zoran Dobrosveljevic, Dorianne Torok

Hibernians użaw it-tul tagħhom biex għelbu lil Gżira Athleta b’distakk ta’ 16-il punt u għaddew għall-finali. It-tliet plejers twal ta’ Hibernians kisbu 70 punt bejniethom hekk kif iddominaw taħt il-boards. Fatt ieħor li għen lil Hibernians jiksbu r-rebħa kienet il-35 rebound li kisbu kontra l-għoxrin ta’ Gżira.

Kienu Athleta li permezz tal-Amerikan Thompson kellhom l-aħjar bidu u marru 9-4 minn fuq. Hibernians tjiebu u marru b’vantaġġ momentarju ta’ 18-15, iżda konklużjoni mill-bogħod ta’ Xuereb għenet lil Gżira jispiċċaw is-sessjoni punti ndaqs.

Kif bdiet it-tieni sessjoni, Gżira Athleta marru 23-20 minn fuq, iżda Hibernians ħadu l-vantaġġ sa nofs it-tieni perjodu u saħansitra kabbru l-vantaġġ biex daħlu jistrieħu 41-30 minn fuq.

Athleta pruvaw jirkupraw wara l-mistrieħ, iżda Hibernians ikkontrollaw tajjeb il-vantaġġ tagħhom u fl-aħħar ħames minuti kabbru l-vantaġġ għal 64-49, biex setgħu jamministraw il-logħba. Bir-reazzjoni ta’ Athleta ma tasalx, Hibernians ikkontrollaw tajjeb il-vantaġġ tagħhom sal-aħħar tisfira.

BUPA LUXOL…………. 71   STARLITES GIG…………. 94

(22-20, 21-22, 12-34, 16-18)

Luxol: C.J. Cordina, V. Jandric (24), L. Caruana Montaldo, J.P. Schembri (5), K. Dimech (12), W. Alhberg (18), P. Engelbert, S. Capello (2)

Starlites: O. Psaila, R. Bonnici (13), I. Felice Pace, M. Falzon, A. Felice Pace (19), R. Carabott (6), M. Scerri, N. Formosa (16), J. Strolts (40)

Referees: Nicky Azzopardi, Christine Xuereb, Ivan Simic

Starlites kisbu post fil-finali tas-St. James Hospital Shield meta ddominaw it-tielet sessjoni, b’Luxol ma jikkontrollawx lill-Amerikan John Strolts li spiċċa l-aqwa skorer tal-logħba b’40 punt. Wara li fl-ewwel minuti kienu Starlites li kisbu għaxar punti mingħajr risposta, Luxol irnexxielhom jirkupraw u temmew l-ewwel sessjoni b’distakk minimu ta’ 22-20.

Luxol komplew fejn ħallew u fit-tieni perjodu kabbru l-vantaġġ għal 29-20. Ħames minuti qabel l-intervall, Starlites bdew ir-rimonta tagħhom u dawru r-riżultat u marru 42-38 minn fuq. Iżda bl-aħħar żewġ baskets, Luxol daħlu jistrieħu 43-42 minn fuq.

Starlites ħarġu aktar aggressivi wara l-mistrieħu u ddominaw l-ewwel minuti u bnew vantaġġ ta’ 69-54. Luxol ma wettqux reazzjoni u Starlites bdew l-aħħar għaxar minuti b’vantaġġ komdu ta’ 76-55. B’hekk fl-aħħar perjodu huma kkontrollaw sat-tmiem.

ST. JAMES HOSPITAL SHIELD TAN-NISA

Hibernians u Starlites GIG se jilagħbu wkoll il-finali tas-St. James Hospital Shield tan-nisa hekk kif għelbu lil Depiro u Caffe Moak Luxol fis-semifinali.

Fl-ewwel semifinali, Starlites użaw tajjeb it-tul tagħhom biex għelbu lil Luxol 66-45. Għaxar punti mingħajr risposta fil-bidu fetħu t-triq għar-rebħa ta’ Starlites, u minkejja li Luxol tjiebu fl-aħħar minuti tas-sessjoni, Starlites temmew b’vantaġġ ta’ 16-7.

Starlites komplew ikabbru l-vantaġġ fit-tieni perjodu tal-logħba, iżda Luxol permezz tal-captain Pace, irnexxielhom jidħlu fil-logħba u naqqsu d-distakk għal 22-16. Madankollu Starlites reġgħu wieġbu u kisbu sitt punti konsekuttivi, b’Luxol inaqqsu d-distakk min-nofs, b’Starlites jibqgħu fil-vantaġġ għal 30-24.

Starlites ħarġu aħjar wara l-mistrieħ u kabbru l-vantaġġ għal 15-il minuta biex bdew l-aħħar għaxar minuti 49-34. Luxol ma kinux kapaċi jgħollu l-logħob tagħhom, biex Starlites rebħu 66-45.

Fil-logħba l-oħra, Hibernians ma sabux diffikultà biex għelbu lil Depiro 83-44. Depiro li kienu mingħajr De Martino, kisbu l-ewwel sitt punti tal-logħba, iżda reazzjoni ta’ Hibernians wasslet biex dawru r-riżultat għal 16-13. Hibernians komplew jiddettaw il-logħob fit-tieni sessjoni u sal-mistrieħ bnew vantaġġ sostanzjali ta’ 38-18, vantaġġ li bih setgħu jamministraw u jkabbru d-distakk mingħajr problemi biex spiċċaw il-logħba b’vantaġġ ta’ 39 punt.