Il-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab mill-problemi li ħoloq hu stess. Minkejja li qed jara l-familji jkomplu jbatu, isofru minn pezzijiet dejjem ogħla ta’ affarijiet bażiċi ta’ kuljum, fis-seba’ budget tiegħu l-Gvern xorta ma ppreżentax pjan fit-tul għal pajjiżna. Il-familji li qabel il-budget kienu se jsofru, ma marrux aħjar u xorta għadom fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar.
Dan hekk kif il-politika li qed iħaddem il-Gvern, li jżid kemm jiflaħ il-popolazzjoni qed twassal għal morsa ta’ problemi għall-familji Maltin u Għawdxin fosthom traffiku, problemi ta’ parkeġġ u abbandun totali tal-ambjent bil-konsegwenza li l-kwalità tal-arja marret lura drastikament u spiċċajna l-aħħar f’dak li għandu x’jaqsam mal-immaniġġjar tal-iskart.
Fost dawn il-pensjonanti, il-familji li mhux ilaħħqu mal-ħajja, 3,200 persuna fuq il-lista tal-housing soċjali waqt li l-Gvern ma jagħtix dar, kenn u wens lil imqar familja waħda f’żewġ leġiżlaturi infila.
Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia f’konferenza tal-aħbarijiet wara r-replika għad-diskors tal-budget, fejn innota li l-Gvern qed jitkellem fuq is-surplus iżda jaħrab milli jwieġeb għaliex dan is-surplus mhux jasal għand il-familji Maltin u Għawdxin. Għall-kuntrarju Gvern Nazzjonalista qed joffri alternattiva biex kull Malti u Għawdxi jkollu saqaf fuq rasu, ħadd ma jkun fil-faqar, fl-istess waqt li ninvestu fil-futur, fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni u s-sigurtà.
Adrian Delia wiegħed li Gvern Nazzjonalista jrid jagħti ruħ lill-politika Maltija, biex l-ebda Malti ma jaqa’ lura.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li qabel kollox, xi ħaġa li dan il-Gvern ma għamilx, irid jara fejn irridu nieħdu lil pajjiżna, ikollna pjan dwar kif se nsolvu l-problemi ambjentali, il-problemi tat-traffiku, il-problemi tal-għoli tal-ħajja u fuq kollox, kif il-poplu Malti u Għawdxi se jkun fiċ-ċentru tal-politika tagħna, biex verament ikollna soċjetà li jimpurtaha.