Futbol Sport

Ir-raba’ rebħa konsekuttiva għal Hibernians

(Ritratt: Domenic Aquilina)

SLIEMA W…………………… 0   HIBERNIANS……………….. 1

Sliema: J. Galea, M. Sansone, G. Adamovic (K. Shaw 46’), S. Biancardi, S. Cassar (F. Temile 62’), M. Scerri, M. Muchardi, R. Fenech (J. Mintoff 85’), C. Pani, Y. Marzouk, J. de Assis

Hibernians: A. Hogg, M. Dias, A. Agius, C. Zammit, N. Radojevic, D. Vella, B. Kristensen, J. Mbong, T. Fonseca (J. Bezzina 67’), T. Marcolino (F. Costa Tenorio 72’), J. Degabriele (I. Bubnjic 89’)

Imwissija: S. Cassar 20’ (S), B. Kristensen 39’ (H)

Skorjaw: T. Marcolino 53’ (H)

Referee: Philip Farrugia

Assistenti Referees: Duncan Sultana, William Debattista

Hibernians kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva b’rebħa ta’ 1-0 fuq Sliema Wanderers f’konfront li ż-żewġ timijiet kienu qed ifittxu li jirbħu biex jibqgħu jżommu r-ritmu mat-timijiet ta’ fuq. Sliema fuq in-naħa l-oħra sofrew l-ewwel telfa wara tliet rebħiet u draw fl-aħħar erba’ logħbiet.

Fl-ewwel taqsima l-logħba kienet bilanċjata biż-żewġ timijiet jistudjaw lil xulxin, tant li ftit kien hemm azzjonijiet lejn il-lasti.

Sliema kellhom ċans tajjeb li jiftħu l-iskor ħames minuti minn tmiem l-ewwel taqsima b’Claudio Pani jirċievi mingħand Marzouk iżda minkejja li ġie wiċċ imb wiċċ ma’ Hogg naqas li jikkonkludi fix-xibka. Hibernians wieġbu tliet minuti wara b’xutt ta’ Dunstan Vella minn tarf il-kaxxa li għaddiet ftit barra.

Hibernians bdew it-tieni taqsima bl-aħjar mod u wara li xutt ta’ Jurgen Degabriele għadda ftit għoli, fit-52 minuta Radojevic ra d-daqqa ta’ ras tiegħu minn korner ta’ Vella tgħaddi barra.

Iżda minuta wara l-Pawlisti fetħu l-iskor b’dak li spiċċa ddeċieda l-konfront. Wara żball fid-difiża minn Cassar, daħal tajjeb Joseph Mbong li kkontrolla l-ballun, daħal fil-kaxxa u bi kross mil-lemin sab lil TAYLON MARCOLINO li kompla għal ġewwa.

Sliema pruvaw iwettqu reazzjoni iżda bdew isibuha diffiċli biex ikunu perikolużi, bl-aktar darba li marru viċin kien fis-70 minuta. Kien korner ta’ Ryan Fenech, bid-daqqa ta’ ras tas-sostitut Frank Temile taħbat mal-lasta.