Edukazzjoni Għawdex Lokali

Jikkonferma li l-kanvasser tal-Ministru talab tixħim ta’ €30,000

Edward Caruana kien bena blokka appartamenti fir-Rabat (Malta)

Il-Qorti illum illiberat lill-kuntrattur Għawdxi John Vella li kien tressaq il-Qorti b’rabta mal-każ tal-iskandlu fl-FTS, relatat mal-bini tas-Sixth Form il-ġdida f’Għawdex.

Il-każ imur lura għal-Awwissu 2015 meta l-kanvaser tal-Ministru Evarist Bartolo, Edward Caruana, kien talab is-somma ta’ €30,000 lil John Vella bħala tixħim fuq ix-xogħol tal-iskola l-ġdida. Anke ċ-chairman tal-FTS Samuel Formosa kien infurmat b’dan il-każ serju.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Ian Farrugia wera ruħu sorpriż għall-fatt illi ħadd mit-tmexxija tal-FTS “ma dehrlu li jkun opportun li jitlob lill-Kummissarju tal-Pulizija biex serjament jinvestiga” dan il-każ ta’ tixħim.

Fil-Qorti, Vella ikkonferma li l-kanvaser tal-Ministru kien talbu din is-somma ta’ eluf.

F’dan il-każ, ħafna kienu sorpriżi kif il-Pulizija proċediet kontra John Vella u mhux Edward Caruana.

Fil-fatt, Vella ġie liberat mill-akkuża li weġġa’ lil Caruana bi kliemu.

Għal Vella deher l-avukat Joe Giglio.