Lokali Parlament

“Pajjiż li jpoġġi l-ewwel u qabel kollox lin-nies” – Adrian Delia

20.30 Id-diskors tal-Kap tal-PN jintlaqa’ tajjeb ferm anke mir-reazzjonijiet fuq il-media soċjali. Tintemm ir-replika għall-Budget 2019.

20.23 Dan huwa gvern li jitkellem fuq dak li jaqbillu biss. Gvern bla pjan u tax-shortcuts. Gvern li jara sa mnieħru.

Irridu naraw lill-poplu bħala umani u mhux numri. Irridu ngħatu lura s-serħan il-moħħ lill-familji Maltin bis-sigurta tal-komunitajiet kollha. Irridu nagħtu ruħ lill-Politika f’Malta. Ma nħallux lil-kuxjenza soċjali u ambjentali tittarrax.

Irridu nagħtu vuċi lil min tilifha. Nagħtu dinjità lil kull persuna. Nagħtu lura sens ta’ kburija lil kull Malti li Malta hija pajjiż nadif.

Malta trid tkun pajjiż li jpoġġi l-ewwel u qabel kollox lin-nies.

20.22 Irridu nkomplu ninvestu fil-prodott turistiku. Irridu rispett assolut lejn il-ftit kampanja li għad baqgħalna. Irridu li l-Maltin ikunu sidien ta’ darhom.

20.21 Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia riesaq lejn tmiem id-diskors.

20.15 Il-poplu jinsab f’morsa ta cheap labour, f’morsa ta pensjonijiet mhux adekwai u għolit al-ħajja mhux adekwat speċjalment fejn għandu x’jaqsam il-prezzijiet tal-ikel u tal-proprjetà

20.13 Jibdew deħlin reazzjonijiet pożittivi għad-diskors ta’ Adrian Delia. L-avukat Bernard Grech jgħid li kien preparat tajjeb u ddeskrivih “uman ħafna”

20.07 Waqt li l-poplu nkwetat fuq is-sigurta tagħhom il-budget bħala eżerċizju ta’ PR ma semmiex dawn il-problemi. F’Malta ikun hawn numru ta’ għasses tal-Pulizija magħluqa.Hu importanti li l-preżenza tal-Pulizija tkun kontinwa ha jingħata serħan il-moħħ lin-nies.

20.03 F’Malta għandna t-tieni l-agħar rata fl-Ewropa ta’ studenti li jitilqu kmieni mill-iskola.

20.01 Dan huwa Gvern li ma jafdax lill-għalliema jagħmlu photocopy. Huwa Gvern li moħħu biex jiġġieled mal-Unjins tal-Għalliema. Huwa Gvern li ried jieħu l-warrants tal-għalliema imbgħad kellu jirtira dawn il-liġijiet – jieħu u-turn kif kellu jagħmel f’oqsma oħrajn.

20.00 Konsegwenza ta’ tkabbir tal-popolazzjoni mingħajr ebda pjan qed ikun ta’ piż ukoll fuq l-edukazzjoni. Hemm bżonn imminenti ta’ aktar skejjel u aktar għalliema. Madanakollu dan huwa Gvern li ma kienx kapaċi jibni u jlesti skola ġdida kull sena kif kien jagħmel il-Gvern Nazzjonalista. Minflok qed jipposponi kull sena bini ta’ skola ġdida.

19.55 Dan il-Gvern nesa wkoll il-qasam tas-saħħa mentali. F’6 snin għadu m’għamel assolutament xejn. Wara xhur ngħidulu l-istess ħaġa issa sema’ mill-Oppożizzjoni u saħaq li ser jiftaħ klinika tas-saħħa mentali.  Dan il-Gvern żarma l-Mental Health Crisis Intervention Team imwaqqaf minn Gvern Nazzjonalista. Il-Gvern qed imur kontra l-pariri tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

19.53 Fil-qasam tas-saħħa l-Gvern wera kemm-il darba li jinsab bla pjan. Meta nbiegħ l-Isptar Ġenerali t’Għawdex lill-Steward minn Vitals il-Ministru tas-Saħħa qalilna, “This is the real thing” – mela il-Vitals x’kienu? Il-Gvern jinsab bil-faħam miblul l-għaliex qed jipprova jtawwal u jixħet il-kawża fuq il-proċedura flok fuq is-sustanza. Dan kien kuntratt maħdum b’qerq u malizzja.

19.50 Il-piż tal-popolazzjoni li qed tiżdied qed tinħass ukoll fis-servizzi tas-saħħa.

Fl-2017 l-Awditur Ġenerali ppublika riżultati fejn wera li l-waiting list hija dik ta 63,000 b’medja ta stennija ta’ 8 xhur. Għaldaqstant wieħed jista’ jimmaġina li b’żieda ta’ 15,000 fil-popolazzjoni f’sena, il-piż fuq is-sistema tas-saħħa ser taffettwa fit-tul.

19.45 Dan il-Gvern qed jara sa mnieħru – jiftaħar li se jdaħħal 16-il miljun ewro aktar mill-liċenzji tal-karozzi u miljuni akbar mill-petrol u diesel waqt li fit-toroq Maltin qed jiżdiedu madwar 40 vettura kuljum. Riċetta ta’ fjask, meta tqis ukoll li t-trasport pubbliku għaddej minn falliment liema bħalu.

L-Oppożizzjoni qed tipretendi li fi żmien ta’ surplus il-Gvern għandu jipprovdi trasport pubbliku b’xejn almenu liż-żgħażagħ kollha sa’ 25 sena bil-għan li jnaqqsu l-vetturi mit-toroq.

19.40 Fejn għandu x’jaqsam l-infrastruttra u trasport, dan il-budget kien bla ideat – nieqes mill-viżjoni – bi proposti reċiklati mill-budget tas-sena preċedenti. Bħal pereżempju li reġa’ qalilna li l-Gvern se jagħmel il-mollijiet f’Bormla, Marsamxett u tas-Sliema – oħroġ il-għaġeb anke s-sena l-oħra hekk qalilna.

Ironikament dan il-Gvern jgħidlek li jrid jinċentiva s-sewqan tar-roti, sabiex imbgħad ma għamilx bicycle lanes fit-toroq il-ġodda – li qed isiru mill-Fondi tal-Unjoni Ewropea.

19.35 Il-pjan tal-Gvern ‘kożmopolitan’ reġa’ poġġa n-nies bla saqaf fuq rashom. Hawn 3,200 familja jistennew housing soċjali. F’6 snin dan il-Gvern għadu lanqas biss lesta jew fetaħ proġett wieħed ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Waħda mill-għaqdiet tal-estate agents saħqet li fis-suq Malti insa li ser ssib kirjiet b’inqas minn €500 fix-xahar.

Gvern Nazzjonalista jagħti garanzija li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu. 

19.29 Il-kwalità tal-arja f’pajjiżna sejra lura wkoll kawża taż-żieda tal-vetturi – bżieda ta’ 12% fis-CO2 fl-ajra fl-aħħar 3 snin. Fil-qasam ambjentali, flok sejrin ‘il quddiem sejrin lura l-għaliex il-Gvern mhux iqis iż-żieda fil-popolazzjoni li żżid it-tniġġis fl-arja, it-trabijiet u l-iffullar.

19.26 L-Ambjent: Ir-Rettur tal-Università ta’ Malta saħaq li Malta hija l-aktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea fgat mill-bini. Malta għandha l-aktar ċifri miżeri fl-UE fejn jidħol reċiklaġġ ta’ skart bi 8% biss jiġi reċiklat.

19.13 Flok il-Gvern kabbar l-ekonomija fi bwiet il-ħaddiema, żied il-bwiet.

Yana Mintoff, il-konsulent tal-Gvern fuq il-faqar saħqet fuq the Times of Malta li “Our economy is built on cheap labour and precarious work” “It is not healthy. It’s not good for the workers… and society as a whole”.

19.11 Żieda fil-popolazzjoni tfisser iżjed karozzi fit-toroq, domanda akbar għat-trasport pubbliku. Tfisser domanda akbar għall-kura tas-saħħa, kjuwiet itwal fil-polyclinics. Tfisser iżjed skart, domanda akbar fuq is-servizzi korrettivi u dawk komunitarji u soċjali.

19.09 Il-Partit Nazzjonalista kien, għadu u jibqa’ favur il-ħaddiema barranin, iżda dan kollu jrid isir bi pjan, għarfien u ammonti xierqa li jiflaħ pajjiżna bil-għan li l-ħaddiema barranin itejbu l-pagi tal-ħaddiema Maltin u mhux iwaqqgħuhom.

19.07 L-Oppożizzjoni hija favur l-immigrazzjoni, iżda waħda intelliġenti fl-interess tal-ħaddiem Malti. Dan il-Gvern qed iġib 15,000 fis-sena u fil-maġġor parti tagħhom ħaddiema b’ħiliet baxxi u minn pajji’i ta’ pagi baxxi.

Il-PN kien il-partit li fetaħ għall-politika għal-libertà tal-kummerċ fl-Ewropa – li impjegati minn pajjiżi tal-UE jkunu jistgħu jiġu jaħdmu f’pajjiżna waqt li l-Partit Laburista kien ibeżżagħna li ser ikun hawn invażjoni tal-barranin.

19.01 Ċifri mill-Eurostat urew li matul l-2017, f’sena waħda, il-Gvern Malti ħareġ mal-11,000 permess lil immigranti minn barra l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li l-Gvern fil-biċċa l-kbira tal-barranin li qed iġib m’humiex mill-Unjoni fejn għandna l-libertà tal-moviment.

Huwa veru li l-ekonomija kibret, iżda kibret minħabba l-fatt li f’Malta kien hawn 47,000 persuna aktar b’madwar 44,000 żieda ġejja minn barra minn xtutna.

18.59 Il-Gvern messu ġie jgħidilna kemm ser iġib immigranti din is-sena wara li s-sena l-oħra ġab 15,000, bi 11,000 minnhom barra mill-Unjoni Ewropea. Stennejna li jiġi bi studju dettaljat dwar kif qed jiġu affettwati l-oqsma kollha miż-żieda tal-popolazzjoni – kemm fit-tajjeb kif ukoll fil-ħażin. Fl-2013 il-Gvern qalilna li Malta kellha popolazzjoni ta’ 430,000, fl-2017 il-popolazzjoni żdiedet mal-476,000.

18.58 Il-Ministru tal-Finanzi qed ikejjel l-ekonomija mingħajr ma jagħti kas l-weġa’ tan-nies. Saħansitra l-esperti internazzjonali saħqu waqt il-konferenza tal-EY. Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn l-istatistika biss.

L-akbar difett ta’ dan il-budget hu li l-Gvern m’għandu l-ebda pjan. Jistħi bil-mudell li għandu u jlibbsu b’diskors bombastiku

18.56 Dan il-Gvern wiret ekonomija b’saħħitha, ekonomija li marret tajjeb kemm fil-bnazzi u ankè fil-maltemp internazzjonali – ekonomija li kienet kapaċi saħansitra tikber meta l-bqija tad-dinja kienet qed tieħu diksata. Dan il-Gvern però qed jibbaża kollox fuq iċ-ċifri, skont il-kejl tal-Prodott Gross Domestiku – li għalkemm huwa kejl tajjeb, mhux biżżejjed sabiex tifhem kif tassew sejjer il-poplu.

Dan hekk kif jekk għandek żewġ persuni qed idaħlu medja ta’ €30,000 fis-sena – u jiġik barrani miljunarju u tgħoddu magħhom – hekk il-medja ser tiżdied. It-total ser jiżdied u nibdew niċċelebraw. Dan nifmhu li għalkemm il-medja splodiet, fil-but tagħna ma daħal assolutament xejn.

18.54 Il-Gvern saħaq li dan huwa budget ta’ suċċess, imma suċċess għal min? Koppja żgħażugħa trid tmur tissellef mill-bank għall-proprjetà ċkejkna li għaliha jintalbu €200,000.

Kull filgħodu omm trid toħroġ tixtri l-ħobż u l-ħalib għat-tfal u l-Gvern ħadilha €2.33 qabel tahomlha.

Dan huwa Gvern li ried itajjar il-warrant lill-għalliema, li għal kull mitt ewro ikel li qed jixtru qed itihom €4.40 għal għoli tal-ħajja.

“Għalik il-loqom, għalihom l-eluf u minn fuq iriduk tgħidilhom grazzi”.

18.52 Dan il-Gvern għażel li jitkellem fuq is-Surplus tiegħu minflok fuq id-deficit fi bwiet il-ħaddiema Maltin li qed jaraw il-paga tagħhom tistaġna f’ekonomija mibnija fuq ic-cheap labour. M’għażilx li jitkellem fuq id-deficit soċjali, fuq it-theddida bankarja li għandu pajji’na, u fuq kif ser tikber in-nefqa tal-familji.

Dan il-Gvern għażel li jitkellem fuq il-permessi tal-bini, milli fuq dawk il-familji li m’għandhomx saqaf fuq rashom. M’għażilx li jitkellem fuq l-arja maħmuġa. Il-Gvern għażel li jitkellem fuq il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet imma mhux fuq il-€50 miljun li ħadulna u l-ħofra li bqajna biha.

18.51 F’dan il-budget ma ssib xejn bħala soluzzjonijiet għall-isfidi soċjali li għandu pajjiżna u dan il-Gvern ħa ħsieb sabiex jixħethom taħt it-tapit milli jsolvihom.

Dan huwa Gvern tal-PR u mhux tal-PL, l-għaliex il-Partit Laburista tal-ħaddiem u taż-żgħir m’għadux jeżisti.

18.50 Huwa ċar li min kien f’diffikultà qabel dan il-budget ser jibqa’ f’diffikultà għax il-miżuri ta’ dan il-budget ma jsolvux il-problemi li ħoloq dan il-gvern

18.47 Għalkemm hawn min sejjer tajjeb, hawn ħafna li jgħidulek li l-budget m’affettwahomxb’mod li tassew jwettaq differenza f’ħajjithom u għal familji tagħhom. Ħafna ħassew li l-miżuri tal-budget ma kinux biżżejjed sabiex ilaħqu mal-ħajja ta’ kuljum bl-aktar affarijiet essenzjali ta’ kuljum jgħolew fosthom il-ħobż, il-ħalib, id-diesel u l-petrol.

18.40 Dan il-mudell ekonomiku qed ipoġġi lill-ħaddiema f’morsa bi pressjoni ‘l isfel fuq il-pagi u pressjoni ‘l fuq fil-prezzijiet. Dan bil-konsegwenza li l-ħajja tal-familji middle-class qed tkun aktar diffiċli, b’mod speċjali biex jixtru l-proprjetà tagħhom.

18.38 Is-seba’ budget tal-Gvern Laburista, għandu difett kbir – m’għandux viżjoni u huwa nieqes minn pjan fit-tul għal pajjiżna.

Il-Gvern mhux jirnexxilu jsolvi il-problemi li qed joħloq hu stess, b’konsegwenza tal-mudell ekonomiku bla pjan li għażel jadotta ta’ żieda kbira fil-popolazzjoni. Dan bil-konsegwenza ta’ problemi ta’ prezzijiet għoljin, kirjiet esaġerati, ta’ problemi ambjentali u arja maħmuġa. Bil-konsegwenza ta’ traffiku qawwi, problemi ta’ parkeġġ u infrastruttura li mhux qed tlaħħaq mal-problemi ta’ pajjiżna.

Ġimgħa wara l-preżentazzjoni tal-Budget, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ser jgħaddi r-replika tiegħu għad-diskors tal-Ministru tal-Finanzi.

Fid-diskors tiegħu, Adrian Delia ppreżenta l-viżjoni u tal-Partit Nazzjonalista li tikkuntrasta man-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern Laburista.