Real Madrid ħabbru li temmew b’effett immedjat il-kuntratt tal-kowċ Julen Lopetegui minn mal-klabb. Fi stqarrija, il-Madrileni qalu li din id-deċiżjoni għandha l-għan li tibdel id-dinamika tat-tim meta għadu possibbli li l-objettivi ta’ dan l-istaġun jintlaħqu.
Il-Bord tad-Diretturi qal li jifhem li hemm differenza kbira bejn il-kwalità ta’ plejers li għandhom u r-riżultati miksuba sa issa. Real Madrid għandhom tmien plejers nominati għar-rebħ tal-Ballun tad-Deheb. Il-klabb irringrazzja lil Lopetegui u lill-istaff tekniku tal-impenn u l-ħidma tagħhom. Hu se jkun mibdul proviżorjament minn Santiago Solari, li se jibda l-impenji tiegħu għada.
L-uffiċjali ta’ Real Madrid iltaqgħu lbieraħ biex jiddiskutu s-sitwazzjoni tat-tmexxija teknika, anqas minn 24 siegħa wara t-tim ta’ Lopetegui ġarrab telfa ta’ 5-1 kontra Barcelona. Din it-telfa kienet ir-raba’ waħda f’ħames logħbiet u ħalliethom fid-disa’ post f’La Liga.
Solari li fil-passat lagħab ma’ Real Madrid, kien qed imexxi lil Castilla li hu t-tieni tim tal-klabb, u bħalissa jinsabu fil-ħames post fi Grupp 1 tat-Tieni Diviżjoni.
L-Arġentin rebaħ iċ-Champions League u darbtejn La Liga wara li ngħaqad magħhom mingħand ir-rivali Atletico Madrid fl-2000, u lagħab għal ħames staġuni. Il-predeċessur ta’ Lopetegui, Zinedine Zidane, ukoll mexxa lil Castilla qabel inħatar kowċ ta’ Real Madrid f’Jannar tal-2016 wara li l-klabb keċċa lil Rafa Benitez.
//= $special ?>