Lokali

Mara tweġġa’ gravi waqt argument f’San Ġiljan: l-aggressur jhedded lill-Pulizija fl-Għassa

Mara ta’ 33 sena ittieħdet l-Isptar Mater Dei issofri minn ġrieħi gravi wara argument f’San Ġiljan matul il-lejl li għadda. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-tlieta nieqas kwart ta’ filgħodu fi Triq Santa Rita.

Il-Pulizija tad-Distrett marru fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari ġie stabbilit li allegatament seħħ argument bejn raġel Sirjan ta’ 24 sena u l-vittma, li hi ta’ nazzjonalita’ Brażiljana.

Is-Sirjan inżamm mill-Pulizija u ttieħed fl-Għassa ta’ San Ġiljan filwaqt li l-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn kienet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

Sadanittant, waqt li kien arrestat, is-Sirjan beda jsir aggressiv tant li kkaġuna ġrieħi ħfief fuq Kuntistabbli tal-Pulizija u hedded membri tal-Korp.

L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.