Il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta viżjoni alternattiva għall-pajjiż biex ikollna verament Ekonomija għan-Nies – Ekonomija ta’ kwalità li toħloq impjiegi ta’ livell b’pagi tajbin għall-ħaddiema Maltin. Ekonomija li tinvesti għall-futur u b’politika moderna ta’ immigrazzjoni intelliġenti, li sseddaq dak li għandna u mhux li tbaxxilna l-pagi. B’kuntrast mal-politika tal-Gvern ta’ Muscat li qed jibbaża s-suq tax-xogħol billi jġib eluf ta’ barranin f’pajjiżna.
Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Pratit Nazzjonalista Adrian Delia waqt ir-replika tiegħu għall-Budget 2019, ippreżentat il-ġimgħa li għaddiet mill-Ministru tal-Finanzi. Diskors pożittiv li juri l-impenn ta’ Adrian Delia li ħadd ma jibqa’ lura – anzi, li pajjiżna jkompli jiżviluppa, kif dejjem għamel taħt diversi Gvernijiet immexxija mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern ma jistax jibqa’ jaħrab mill-effetti tal-politika ekonomika vera tiegħu, filwaqt li ma jistax jaħrab mill-ħsara li kkawża b’għemilu lill-fama tajba ta’ Malta. Għaldaqstant, hu ppreżenta għażla oħra li tiffoka fuq dħul aqwa għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin – Gvern Alternattiv għall-pajjiż.
Adrian Delia qal li dan il-Budget – is-seba’ Budget tal-Gvern Laburista – għandu difett kbir ta’ nuqqas ta’ viżjoni u nuqqas ta’ pjan fit-tul.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-mudell ekonomiku li qed iħaddem il-Gvern qed ipoġġi lill-ħaddiema f’morsa li tagħsar ‘l isfel fuq il-pagi u tgħolli ‘l fuq il-prezzijiet.
Dan qed jagħmilha dejjem aktar diffiċli għall-Familji fil-middle-class biex jixtru d-dar tagħhom, minkejja l-ħidma ta’ gvernijiet preċedenti biex kemm jista’ jkun, kulħadd ikun sid ta’ daru.
Adrian Delia tkellem dwar il-kuxjenza soċjali li suppost għandu dan il-Gvern – li jgħid li hu Gvern Soċjalista – u li messu wera lejn dawk li huma l-aktar dgħajfin fis-soċjetà.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern ta’ Muscat ma jistax jitwemmen għax ilu jirrepeti ta’ kull sena l-wegħda ta’ numru ta’ proġetti li jibqa’ ma jwettaqhomx, bħal Skejjel ġodda, Dar tal-Anzjani f’Għawdex u ħafna oħrajn.
Jirriżulta wkoll li f’ċerti nefqiet, il-Gvern mar żmerċ mill-Budget li għadda – anke b’50 miljun ewro – u għalhekk, wieħed ftit li xejn jista’ jafda ċ-ċifri li qed jagħti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Gvern qed jiekol għal-lum b’infiq kbir fl-ispiża rikorrenti mingħajr ma jinvesti biżżejjed għal għada. Fost l-oħrajn, dan jidher ċar fl-Edukazzjoni u fil-ħiliet tal-ħaddiema, daqskemm fl-infrastruttura li għandu li se jkollu bżonn pajjiżna, kif ukoll fil-prevenzjoni u l-kura tas-saħħa.
//= $special ?>