Riżultati sodisfaċenti għal tliet atleti ġodda fix-xena internazzjonali. Shaun Ciantar, Roberta Tabone u ż-żagħżugħa Tenishia Thornton ħadu sehem fit-tournament Challenge 210 li sar fl-Iżvizzera fi tmiem il-ġimgħa. It-tliet atleti kollha spiċċaw mal-ewwel tlieta fil-kategorija tagħhom.
Shaun Ciantar spiċċa fl-ewwel post minn 25 atleta fil-kategorija tal-irġiel. Hu rnexxielu jagħmel l-aqwa refgħa personali bi 98 kilo fis-snatch u 117-il kilo fil-clean and jerk. Hu ma kellux l-aħjar prestazzjoni fil-clean and jerk għaliex baqa’ bl-ewwel attentat tiegħu, iżda spiċċa l-kompetizzjoni b’275.71 punt sinclair. Warajh spiċċaw il-Franċiż Valentin Baillet u Julien Ramos minn Monaco.
Roberta Tabone kisbet it-tielet post fil-kategorija tan-nisa, f’dik li kienet l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali għaliha f’dan l-isport. Tabone hi waħda mill-aqwa atleti tal-Crossfit f’pajjiżna u bdiet il-weightlifting ftit xhur ilu fejn irnexxielha tikseb post fit-tim nazzjonali. Hi spiċċat bi snatch ta’ 69 kilo u clean and jerk ta’ 91 kilo u spiċċat wara Celia Gabbiani ta’ Monaco u Lorena Pergola tal-Iżvizzera.
Iż-żagħżugħa ta’ 13-il sena Tenishia Thornton mhux biss spiċċat fl-ewwel post fil-kategorija tagħha, iżda tejbet ir-riżultat b’10 kilo. Dan fisser li kisret 24 rekord nazzjonali billi mhux biss tejbet l-irfigħ fil-kategorija ta’ taħt is-17-il sena, iżda wkoll fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena u tal-kbar. Thornton spiċċa bi snatch ta’ 42 kilo u clean and jerk ta’ 58 kilo. Bil-piż tagħha hu 42 kilo, hi saret it-tielet atleta femminili fl-istorja kif ukoll l-iżgħar, li jkollha snatch daqs il-piż tagħha.
L-atleti kienu akkumpanjati mill-kowċ nazzjonali Jesmond Caruana, li fil-jiem li ġejjin se jkun qed imur għall-Kampjonat tad-Dinja tal-Weightlifting fit-Turkmenistan. Fl-aħħar snin hu attenda bħala uffiċjal tekniku, iżda din se tkun l-ewwel darba għalih bħala kowċ nazzjonali. Yazmin Zammit Stevens se tkun qed tieħu sehem f’dan l-ewwel avveniment uffiċjali ta’ kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi ta’ Tokyo fl-2020, b’aktar minn 700 atleta li se jieħdu sehem minn madwar id-dinja.
//= $special ?>