Formula 1 Sport

Sebastian Vettel iqis dan l-istaġun bħala l-aktar diffiċli għalih fil-Formula 1

Sebastian Vettel irrifletta fuq l-2018 bħala l-aktar sena diffiċli fil-Formula 1. Is-sewwieq tal-Ferrari kien megħlub minn Lewis Hamilton fi staġun li t-tnejn kienu qed jissieltu biex xi ħadd minnhom isir champion tad-dinja għall-ħames darba.

F’serje ta’ ġesti li urew il-klassi ta’ Vettel bħala tellief imma sportiv, il-Ġermaniż feraħ kemm lil Hamilton kif ukoll daħal fil-kmamar tat-tim ta’ Mercedes wara s-suċċess tagħhom fil-Messiku. Iżda wara t-tbissim u l-isportività, il-weġgħa ta’ Vettel hi evidenti.

“Hu mument diżastruż. Kelli tliet darbiet f’ħajti dan it-tip ta’ diżappunt, fejn tirrealizza li ma tistax tirbaħ il-kampjonati aktar u dawn ma għadhomx iż-żminijiet is-sbieħ. Ma tagħmilx riflessjoni f’mument imma fuq sena sħiħa. Il-ħidma tkompli, fl-impenn tiegħi,” qal Vettel.

Hu żied li kellhom l-okkażjonijiet tagħhom, ftit minnhom ħaduhom u oħrajn le, iżda qal li finalment ma kinux tajbin biżżejjed. Matul l-istaġun, Vettel kellu diversi mumenti li fihom għamel żbalji kruċjali. Fosthom hu spiċċa barra fil-Grand Prix tal-Ġermanja kif ukoll ħabat ma’ Hamilton fl-Italja u spiċċa fl-aħħar post.

Iżda l-Ġermaniż jemmen li t-titlu ntilef f’Singapore meta Hamilton rebaħ f’Marina Bay filwaqt li l-Ferrari introduċew titjib fil-karozza li fil-verità swew ta’ danni. “Minn wara Singapore, ma kellniex biżżejjed pass biex inlaħħqu ma’ Mercedes u ovvjament kien hemm affarijiet oħra li ma għenux u ma ksibniex punti minħabba li żbalji li għamilna, żbalji li għamilt jien,” temm Vettel.