Lokali Qorti

Simon Busuttil se jieħu l-każ quddiem il-Qorti Ewropea

Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil se jkun qed iressaq każ quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasburgu wara li illum inatgħat deċiżjoni mill-Qorti Kostituzzjonali fejn intqal illi l-Imħallef Antonio Mizzi m’għandux ikun rekużat milli jiddeċiedi l-appell tal-kawża tal-Panama Papers – kawża li fetaħ Simon Busuttil innifsu fis-Sajf ta’ sena ilu.

It-talba għar-rekuża kienet saret minn Simon Busuttil minħabba li l-Imħallef Antonio Mizzi jiġi r-raġel tal-MEP Laburista Marlene Mizzi. U kien quddiem dan l-Imħallef illi ġie l-appell li għamlu fost l-oħrajn il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u Keith Schembri sabiex ma jkunux investigati dwar il-Panama Papers.

Interessanti l-fatt illi l-Imħallef Mizzi se jkun qed jirtira x-xahar id-dieħel, u allura xorta mhux se jkun hu li jiddeċiedi l-appelli li saru mill-politiċi Maltin li jissemmew fil-Panama Papers.

F’kumment fuq Twitter, Simon Busuttil sostna li l-prinċipju li madwaru hi mibnija t-talba tiegħu hu kbir wisq biex wieħed jieqaf hawn. U għalhekk se jkun qed ifittex ġustizzja fil-Qorti Ewropea.