Futbol Sport

Aktar problemi għal Real Madrid

Real Madrid kellhom bidla fit-tmexxija teknika lbieraħ

Id-difensur ta’ Real Madrid Raphael Varane hu mistenni li jdum xahar barra mill-azzjoni wara li weġġa fit-telfa umiljanti ta’ 5-1 li Real Madrid sofrew kontra Barcelona fl-El Clasico l-Ħadd li għadda. Stqarrija tal-klabb ikkonfermat dan u qalet li weġġa’ f’muskolu fil-koxxa leminija.

Rapporti fil-media Spanjola qed jgħidu li d-difensur Franċiż se jdum barra mil-logħob sal-aħħar jiem ta’ Novembru, biex b’hekk il-kowċ temporanju Santiago Solari għandu problema oħra hekk kif għandu ftit għażliet fil-pożizzjoni ta’ difensur ċentrali.

Solari ngħatar b’mod temporanju bħala kowċ ta’ Real Madrid wara li Julen Lopetegui tkeċċa b’konsegwenza ta’ serje negattiva, b’erba’ telfiet fl-aħħar ħames logħbiet u b’Real Madrid fid-disa’ post fil-kampjonat Spanjol. Intant l-attakkant Mariano Diaz hu mistenni li jagħmel għaxart ijiem barra wara li weġġa’ l-hamstring.