Lokali

Awstraljana li qatlet lil Malti li stupraha teħel għaxar snin u nofs ħabs

Roxanne Eka Peters, ta’ 35 sena, weħlet għaxar snin u nofs ħabs wara li qatlet lil raġel ta’ dixxendenza Maltija, Grant Jason Cassar ta’ 51 sena, wara li stupraha u hedded li jweġġa’ lil bintha jekk ma tħalliehx ikompli.

Il-każ seħħ f’Diċembru tal-2015 fl-Awstralja meta Peters qabdet sikkina tal-kċina f’darha stess u nifditu f’qalbu. Wara, hi rabtitlu ħabel madwar ġismu, inkluż m’għonqu, qabditu mal-karozza tagħha u saqet bih għal kilometru sakemm ħbiet il-kadavru.

It-Tlieta, il-Qorti Suprema ta’ Brisbane tat sentenza ta’ disa’ snin ħabs għall-qtil tiegħu u 18-il xahar oħra wara li ammettiet li bidlet ix-xena tal-krimini meta ħadet il-ġisem biex taħbieh. Madankollu, wara sentejn, hi tista’ tapplika għall-parole.

L-Imħallef David Boddice nnota li Cassar mhux biss stupra imma wkoll umilja lil Peters u saħansitra heddidha li jweġġa’ lil bintha f’dik li qies bħala provokazzjoni sinifikanti.

Madankollu kkundannaha li ma fittxitx l-għajnuna b’mod immedjat wara li qatlitu, li ma rrispettatx id-dinjità umana ta’ Cassar kif ukoll li b’dak li wettqet ikkawżat problemi għall-familja tiegħu, “li qatt mhi se tirkupra.”