Bħala parti mill-isponsorship ta’ BNF Bank lid-Diploma tal-Letteratura Maltija tal-Università ta’ Malta, il-Bank ippremja dik l-istudenta li ġiet l-ewwel, Daniela Attard Bezzina, billi ħallsilha l-miżata tal-kors. L-appoġġ tal-Bank hu parti mill-impenn tiegħu li jippromwovi inizjattivi edukattivi importanti, kif inhuma dawk li jippromwovu l-lingwa, il-letteratura u l-kultura Maltija.
Il-kors relattivament ġdid ta’ sentejn tnieda f’Ottubru 2016 mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti, u ġġenera interess sinifikanti mill-pubbliku. Id-Diploma tiffoka fuq l-analiżi kritika u l-applikazzjoni tal-letteratura fis-seklu 21. Il-ftuħ ta’ dan il-kors jirrifletti interess ġdid fil-letteratura Maltija u jittratta l-applikazzjoni kontemporanja taghħa.
Il-kors jinkludi studji fuq il-perjodu Romantiku u dak Modernista fil-letteratura Maltija, il-kitba kreattiva, l-editjar ta’ kitba letterarja, il-lirika, il-media ġodda u l-letteratura tat-tfal, fost oħrajn. L-għan tad-Diploma hu li jinvolvi lill-istudenti fil-kritika u l-kreattività, fejn l-istudenti ġejjin mill-kamp tax-xandir, tal-kultura, jew huma għalliema, kittieba, jew inkella biss għandhom passjoni kbira għal qari. Id-diploma tindirizza wkoll il-perjodu dinamiku, kritiku u kreattiv ta’ Malta li kien is-seklu 21.
Waqt il-preżentazzjoni, Ms Attard Bezzina ddiskriviet l-esperjenza tagħha tal-kors: “Kont stħajjilt, b’mod inġenwu, li se nqatta’ s-sigħat nikteb il-poeżiji jew naqra r-rumanzi u niddiskutihom. Minflok iddiskutejna t-teoriji ta’ Heidegger dwar is-sublimi, l-ħarsa maskili fil-pittura, fil-films u fil-poeżija; Freud, Little Red Riding Hood u l-mużika tat-Troubadours! Il-kors ta’ studji laħaq u għadda sew l-aspettattivi li kelli. U li niġi l-ewwel u nkun ippremjata billi titħallasi l-miżata kienu ċ-ċirasa fuq il-kejk, kif jgħidu. Grazzi BNF Bank tal-inkoraġġiment u tal-impenn lejn il-letteratura Maltija.”
Il-Kap tad-Dipartiment tal-Business Development ta’ BNF Bank Melvin Pellicano ikkongratula lil Ms Attard Bezzina, lill-istudenti kollha u lil dawk kollha involuti fil-kors. “L-interess fil-letteratura kontemporanja Maltija kiber sew u miegħu kibret il-parteċipazzjoni f’avvenimenti letterarji,” hu qal. “BNF Bank għandu pjaċir li jkun parti minn inizjattiva li qed tixpruna dan l-interess, bix-xewqa li aħna kollha nibqgħu kurjużi dwar kif il-lingwa tagħna qed tiżviluppa b’mod kontinwu u nifhmu li dan jirrifletti t-trasformazzjoni soċjoloġiku u kulturali tagħna.”
Id-Diploma tal-Letteratura Maltija hu kors ta’ sentejn part-time bi klassijiet li jinżammu filgħaxija. Hu fetaħ għat-tieni darba f’Ottubru u ġibed l-interess ta’ studenti minn setturi varji u b’interessi differenti. Il-kors għandu emfasi ġdida fuq ir-riċerka u assignments. Id-Diploma għandha wkoll l-appoġġ tal-Kunsill Malti għall-Arti.
//= $special ?>

