Futbol Sport

Dele Alli jġedded il-kuntratt ma’ Tottenham sal-2024

Dele Alli ffirma kuntratt ġdid ma’ Tottenham li se jibqa’ għaddej sal-2024. Il-midfielder ta’ 22 sena kien ingħaqad mal-klabb mingħand MK Dons fl-2015 u fiż-żmien tiegħu mal-klabb minn Londra, stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-aktar plejers importanti fit-tim.

F’dan l-istaġun hu lagħab f’sitt logħbiet fil-Premier League fosthom it-telfa kontra Manchester City f’Wembley Stadium, iżda naqas li jsib ix-xibka mill-ewwel logħba tal-kampjonat. Alli jsegwi lil Harry Kane, Heung-Min Son u Harry Winks li wkoll ġeddew il-kuntratt tagħhom.

Alli lagħab 153 logħba ma’ Tottenham fejn skorja 48 gowl u ilu parti mit-tim nazzjonali Ingliż minn meta għamel id-debutt f’Ottubru ta’ tliet snin ilu. Hu lagħab mat-tim Ingliż fl-Euro 2016 u fit-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena.