Futbol Sport

Il-FIFA tissospendi lill-eks President tal-Assoċjazzjoni tal-Ghana għal għomru

Wieħed mill-aktar persuni ta’ saħħa fil-futbol Afrikan, ġie sospiż għal għomru mill-isport wara li kiser ir-regoli kontra l-korruzzjoni. Il-FIFA qalet li l-eks President tal-Assoċjazzjoni tal-Futbol tal-Ghana Kwesi Nyantakyi kiser ukoll ir-regoli tal-kunflitt ta’ interess.

Il-FIFA kienet fetħet investigazzjoni wara li ttieħed ritratt ta’ Nyantakyi jieħu kważi €54,000 mingħand ġurnalist undercover. Hi mmultatu €436,000. Nyantakyi kien ukoll Viċi President tal-Konfederazzjoni Afrikana tal-Futbol (CAF) u membru tal-Kunsill tal-FIFA.

Hu kien irriżenja minn President tal-Assoċjazzjoni tal-Ghana f’Ġunju wara li filmat tiegħu allegatament jaċċetta l-flus kien sar pubbliku. Il-filmat ittieħed mill-ġurnalista Anas Aremeyaw, bl-istazzjon BBC Africa jirċievi l-filmat esklussiv.

Nyantakyi wara rriżenja mill-pożizzjonijiet li kellu mill-CAF u l-FIFA, iżda qal li l-filmat kien immanipulat biex jinkriminawh. Il-Kumitat tal-Etika tal-FIFA qal li s-sospensjoni tapplika għal kull attività relatata mal-futbol kemm fuq bażi nazzjonali kif ukoll fuq bażi internazzjonali.