Internazzjonali

Il-Ġermanja: Eks infermier jammetti għall-qtil ta’ 100 pazjent

Eks infermier ta’ sptar, bl-isem ta’ Niels Hogel, ammetta li kien qatel mal-100 pazjent taħt il-kura tiegħu. Dan waqt l-ewwel jum tal-proċess tal-qorti li għaddej bħalissa fil-belt ta’ Oldenburg.

Hogel qed ikun akkużat b’li amministra d-dożi tal-mediċina fatali lill-vittmi, fi żmienu bħala infermier, f’żewġ sptarijiet fit-Tramuntana tal-Ġermanja. Il-prosekuturi qalu li l-iskop wara dan kien biex hu ‘jimpressjona lill-kollegi bil-ħila tiegħu li jġib lill-istess vittmi f’sensihom wara li kien attakkahom b’dan il-mod’.

L-eks infermier diġà qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal għomru talli qatel persuni li kienu fdati lilu.

Qed jingħad li Hogel spiċċa joqtol 36 pazjent f’Oldenburg u 64 pazjenti oħra f’Delmenhorst, bejn l-1999 u l-2005.

Meta l-imħallef staqsa lill-imputat jekk l-akkużi miġjuba kontra tiegħu kenux minnhom, Hogel ammetta, ‘fil-parti kbira’, għall-każi kollha ta’ omiċidju.

B’din l-ammissjoni, Niels Hogel, li għandu 41 sena, għandu jitqies bħala wieħed mill-agħar serial killers fil-Ġermanja minn wara t-Tieni Gwerra ’il hawn.

Il-proċess tal-qorti attwali, li mistenni jdum sa Mejju, qed isegwi l-provi tossikoloġiċi li saru fuq il-fdalijiet ta’ numru ta’ vittmi ta’ Hogel. Intant, dan jibqa’ każ sensittiv ħafna għall-awtoritajiet tas-saħħa fil-Ġermanja, li l-qraba tal-vittmi qegħdin jakkużawhom ‘b’li ma tawx l-attenzjoni neċessarja’ lill-attivitajiet qattiela tal-eks infermier.

Fil-fatt, l-investigaturi qed jgħidu li Hogel seta’ qatel jerġa’ aktar pazjenti, iżda l-katavri tal-vittmi potenzjali kienu spiċċaw kremati.