Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, żvela li l-avukat Tork li qed jinvestiga l-qtil tal-ġurnalista Sawdi, Jamal Khashoggi, talab lill-prosekutur tal-Arabja Sawdija biex jiżvela ‘il-persuna jew persuni’ li bagħtu lill-iskwadra responsabbli minn dan l-omiċidju.
Il-prosekutur Sawdi, Saud Al Mojeb kellu taħditiet mal-prosekutur ta’ Istanbul rigward il-qtil ta’ Khashoggi li seħħ fil-bidu tax-xahar fil-konsulat tas-Sawdi fl-istess belt Torka. Dan meta l-każ qed jeskala fi kriżi għall-Arabja Sawdija, li l-awtoritajiet tagħha, għall-bidu, kienu ċaħdu għal ‘kull rwol u għarfien dwar l-għajbien tal-ġurnalista’.
Min-naħa tiegħu, Mojeb ikkontradixxa dawn l-istqarrijiet u qal li l-qtil ta’ Khashoggi, li kien jikkritika lill-Prinċep Sawdi Mohammed bin Salman ( effettivament il-mexxej tal-Arabja Sawdija) kien wieħed premeditat.
L-omiċidju tal-ġurnalista tefa’ ir-relazzjonijiet tal-Punent ma’ Riyadh taħt il-lenti, bit-Turkija tkompli bil-pressjoni fuq is-Sawdi fost insistenza għal spjegazzjoni sħiħa. Intant, it-Torok ta spiss qed joħorġu l-provi li jikkontradixxu ċ-ċaħdiet inizjali mis-Sawdi.
L-Arabja Sawdija qalet li għandha ssir il-ġustizzja ma’ 18-il suspettat fil-każ li qegħdin jinżammu f’artha u minkejja li t-Turkija trid li dawn ikunu estraditi lejn artha għal ġuri. Issa, Erdogan qed jgħid li l-prosekutur Tork informa lill-prosekutur Sawdi li l-proċess ‘jista’, fil-fatt, isir fit-Turkija, peress li r-reat inkwistjoni seħħ fil-belt ta’ Istanbul’.
//= $special ?>

