Pittura ddedikata lill-Madonna tal-Immakulata Kunċizzjoni u li tinsab fil-kappella ta’ Sant’Andrija, f’Tal-Qares il-Mosta, inkixfet wara xhur ta’ konservazzjoni u restawr estensivi. Il-proċess sħiħ ta’ restawr fuq il-kanvas u l-pittura taż-żejt nnifisha kien iffinanzjat minn Nectar f’konformità mal-valuri ewlenin tal-kumpanija dwar responsabbiltà soċjali.
Saret ċerimonja apposta għall-komunità, benefatturi u sponsors li matulha Raymond Grasso, l-uffiċjal għar-relazzjonijiet pubbliċi taċ-Ċentru Pastorali Sant’Andrija ta deskrizzjoni tal-wirt storiku tal-kappella, filwaqt li Valentina Lupo, konservatriċi tal-pitturi fl-Atelier del Restauro, tkellmet dwar id-diversi fażijiet fir-restawr tagħha. Il-mistednin kienu ukoll indirizzati minn Mons Edgar Vella u Dun Antoine Borg.
“L-oriġini u l-perjodu tal-pittura sfortunatament ma nafuhx, għalkemm mit-tila distinta ta’ lewn kannella hu stmat li l-pittura saret lejn l-aħħar tas-seklu 18,” qal Raymond Grasso.
Id-Direttur ta’ Nectar Roderick Abela qal: “Iż-żebgħa taż-żejt kienet fi stat ħażin ta’ konservazzjoni u b’hekk kienet ċara l-ħtieġa ta’ intervent immedjat ta’ restawr. Nectar immedjatament wieġbet għas-sejħa taċ-Ċentru Pastorali Sant’Andrija li jinsab fiż-żona Tal-Qares. Issa li l-pittura kienet irrestawrata għal kollox, din se tkun tibqa’ titgawda mill-komunità preżenti u mill-ġenerazzjonijiet futuri.”
Atelier del Restauro kien ikkummissjonat biex jagħmel ix-xogħol ta’ konservazzjoni u tar-restawr tal-pittura taż-żejt. Matul is-serata ntwera ukoll il-vidjo li wera l-fażijiet differenti tat-trattament ta’ konservazzjoni.
Mibnija madwar l-1436 ad unur Sant’Andrija, il-kappella kienet reġgħet inbniet fl-1657. Fl-1693, l-Isqof ta’ Malta f’dak iż-żmien, Fra Davide Cocco Palmieri, għamel żjara pastorali u ddikjara li l-kappella kellha l-faċilitajiet xierqa biex tkun tista’ tiċċelebra l-Ewkaristija. Il-kappella kienet affiljata mal-Parroċċa tal-Mellieħa fl-1916. Il-kappella ta’ Sant’ Andriia eventwalment serviet taħt tliet parroċċi – dik tal-Mellieħa, tan-Naxxar u tal-Mosta, ilkoll kemm huma iddedikati lill-Verġni Marija.
//= $special ?>