Ekonomija Lokali

Joseph Muscat jipprova jiskuża l-politika tiegħu li jġib iżjed barranin jaħdmu f’Malta

Il-mexxej Laburista Joseph Muscat mill-ġdid reġa’ pprova jiskuża l-politika tiegħu li jkompli jġib kemm jista’ jkun barranin fil-pajjiż.

Hu ddikjara dan fid-diskors tiegħu fil-Parlament, liema diskors bdieh billi qal illi l-familji fil-kċina jafu li l-Gvern ta aktar mid-doppju…meta fil-verita’ kulħadd jaf li ż-żieda ta’ €2.33 – fi żmien tas-suppost surplus – hi waħda mill-iżgħar żidiet fl-aħħar 8 snin.

Filwaqt li reġa’ semma t-tema ta’ Halloween, kien evidenti li Joseph Muscat ipprova jilqa’ għad-diskors pożittiv tal-Kap tal-Oppożizzjoni l-jum ta’ qabel billi talab lill-Membri tal-Grupp Parlamentari tiegħu biex joqgħodu jħabbtu l-ħin kollu fuq il-bankijiet tul id-diskors tiegħu.

Joseph Muscat prova jgiddeb l-istudju ta’ EY li fih irriżulta li Malta m’għadiex attrajenti ghall-investiment. Għalkemm f’mument minnhom ġie dahru mal-ħajt, u kellu jammetti li hawn 4,000 negozju f’pajjiżna li qed jagħlqu kull sena.

Apparti dan, prova jirredikola l-inkwiet tan-nies dwar l-influss ta’ ħaddiema barranin f’Malta. Għall-Prim Ministru, dan mhuwiex minnu u minflok ftaħar li lill-barranin għandna bżonnhom biex fost oħrajn nitfgħuhom fix-xemx.

Dwar is-sistema tat-trasport bil-vannijiet għat-tfal tal-iskola, Muscat kellu jammetti li għad fadal għexieren li għadhom mhux moqdija. Din hi kwistjoni li ma ġietx indirizzata fil-Budget tiegħu stess.