Internazzjonali

L-Indoneżja: Jużaw id-drones u t-teknoloġija tas-sonar fit-tfittxija għall-ajruplan nieqes

L-iskwadri għall-emerġenza qed jużaw id-drones u t-teknoloġija tas-sonar bil-għan li jsibu l-ajruplan tal-passiġġieri tal-Lion Air li ġġarraf fil-baħar, nhar it-Tnejn, waqt titjira minn Jakarta.

Mal-ajruplan intilfu l-189 passiġġiera u membri tal-ekwipaġġ abbord u s’issa ma kien hemm l-ebda sinjali li xi ħadd seta’ baqa’ ħaj fit-traġedja.

Madankollu, l-iskwadri ġabru kwantità kbira ta’ fdalijiet u oġġetti personali tal-vittmi miz-zona ta’ baħar fejn seħħ it-tiġrif. Fl-istess ħin, iżda, ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ x’wassal biex l-ajruplan jinqered b’dan il-mod, tlettax il-minuta biss wara t-tlugħ mill-kapitali.

L-uffiċjali qalu li l-pilota tal-ajruplan – Boeing 737 – kien talab biex jirritorna lejn l-ajruport ta’ Soekarno-Hatta, ftit qabel tilef il-kuntatt mal-kontrolluri tat-traffiku tal-ajru. Dak il-ħin, il-Boeing kien qed jivvjaġġa lejn il-belt ta’ Pangkal Pinang, lejn il-Punent tal-Indoneżja.

Sadanittant, hemm il-provi li l-istess ajruplan kien spiċċa affettwat mill-problemi tekniċi waqt titjira li kien għamel minn Bali lejn Jakarta, matul il-jum preċedenti. Uffiċjali tal-Lion Air, issa, qalu li ‘l-ajruplan kien għadda minn xi tiswijiet’ qabel kompla bil-programm tal-vjaġġi.

L-ajruplan iġġarraf f’ibħra lejn il-Grigal ta’ Jakarta u l-investigaturi qed jittamaw li jsibu ‘il-qafas’ tal-Boeing. Dan waqt li l-iskwadri għat-tfittxija kienu qed jibbażaw fuq id-drones għal taħt il-baħar flimkien ma’ tagħmir magħrufa bħala ‘ping locators’ bil-għan li jindikaw is-sinjali tas-sonar mir-recorders fil-kabina tal-ajruplan.

Intant, il-fdalijiet tal-vittmi li rkuprati mill-baħar tqiegħdu fil-body bags u ttieħdu lejn Jakarta għall-identifikazzjoni. Dan meta l-uffiċjali lokali qegħdin jgħidu li ‘ikun miraklu’ jekk jinstab xi ħadd ħaj fost il-passiġġieri u l-ekwipaġġ tal-Boeing.