Internazzjonali

Merkel tipprova ssaħħaħ wirt politiku msawwar mill-immigrazzjoni

Angela Merkel il-kap tas-CDU.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, laqqgħet lill-mexxejja Afrikani f’Berlin fejn impenjat ruħha għal fond ġdid tal-iżvilupp li jindirizza n-nuqqasijiet fil-kontinent tal-Afrika li xprunaw l-immigrazzjoni tal-massa. L-impenn, intant, hu favur il-politika b’riżq l-immigrazzjoni li sawwret l-aħħar snin tat-tmexxija ta’ Merkel.

Angela Merkel, fil-bidu tal-ġimgħa, ħabbret li se tirtira mill-politika sal-2021 u meta bdiet diġà t-tellieqa għas-suċċessur tagħha bħala Kanċillier Ġermaniż.

Hi, intant, teħtieġ li s-summit bl-isem Compact with Africa juri li sar il-progress fil-ħidma li indirizzat id-deċiżjoni tagħha, fl-2015, biex jinfetħu l-bibien tal-Ġermanja għal aktar minn miljun refuġjat. Din id-deċiżjoni, fil-fatt, kienet waħda mill-aktar mumenti ‘kruċjali u storiċi’ fit-13-il sena ta’ Merkel bħala Kanċillier tal-Ġermanja.

Fost l-ambizzjonijiet tas-summit li fetaħ f’Berlin, fil-preżenza ta’ 12 il-mexxejja mill-Afrika, hemm il-promozzjoni tal-kontinent Afrikan bħala destinazzjoni stabbli għall-investiment mill-Ġermanja.

Preżenti f’Berlin kien hemm ukoll id-Direttur Maniġerjali tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) Christine Lagarde flimkien ma’ numru ta’ uffiċjali għall-iżvilupp internazzjonali.

Wieħed mill-għanijiet prinċipali hu li jinħoloq ix-xogħol diċenti għall-Afrikani u li jonqos il-faqar fil-kontinent Afrikan li, flimkien man-nuqqas ta’ stabbilità politika u l-vjolenza, irriżulta f’immigrazzjoni illegali bla rażan lejn l-Ewropa.

Fid-diskors tagħha, f’Berlin, Merkel enfasizzat li l-Ewropej għandhom interess kbir li l-pajjiżi tal-Afrika jkollhom futur ekonomiku inkoraġġanti. Dan waqt li hi introduċiet il-fond li għandu jgħin lill-intrapriżi żgħar u medji – mill-Ewropa u l-Afrika – jinvestu fil-kontinent Afrikan.

Jekk Merkel għandha taċċerta li t-tmexxija tal-Partit CDU ( fil-Gvern) tagħha jgħaddi għand politiku alleat taċ-ċentru, hi teħtieġ turi li għamlet il-progress fil-ħidma biex tirranġa l-kundizzjonijiet li kienu wasslu għad-deċiżjoni tagħha, tliet snin ilu, biex jinfetħu l-bibien ta’ pajjiżha għar-refuġjati.